Fil-festa iġbru għall-ħidma mal-immigranti – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech ġedded l-appell tiegħu biex il-ġbir li jsir nhar il-festa titulari fil-parroċċi f’Għawdex jmur għall-ħidma mal-immigranti li twettaq il-Jesuit Refugee Service

Fl-ittra pastorali li se tinqara waqt il-quddies fi tmiem din il-ġimgħa fil-knejjes kollha tad-Djoċesi ta’ Għawdex Mons. Grech ġedded l-appell li għamel ġimgħa ilu fis-Santwarju parrokkjali ta’ San Girgor il-Kbir u l-Madonna tas-Sokkors f’Ta’ Kerċem biex il-ġbir kollu li jsir fil-jum tal-festa titulari jingħata lill-Jesuits Refugee Services ta’ Malta.

Fl-appell tiegħu l-Isqof Grech sostna li b’din l-inizjattiva nkunu qed ngħidu li għalkemm qegħdin fl-istaġun tal-festi parrokkjali, ħsiebna huwa f’dawn ħutna li għaddejjin minn din it-traġedja. Saħaq li fuq kollox, b’din l-inizjattiva nixtiequ nsaħħu l-kuxjenza nazzjonali favur azzjonijiet li jgħinu u mhux ifixklu t-twettiq tal- ħolma ta’ dawn l-immigranti.

L-Isqof Grech qal li hu importanti li nżommu ċar f’moħħna li s-solidarjetà li għandna nuru magħhom mhix xi għamla ta’ karità, imma għax huwa jedd tagħhom – jedd rikonoxxut mid-dritt internazzjonali dwar ir-refuġjati u mnaqqax fil-kuxjenza ta’ kull wieħed minna.

L-Isqof Grech sostna li fost il-foqra ta’ żminijietna għandna tant immigranti li, għal xi raġuni jew oħra, jitilqu lil pajjiżhom biex ifittxu futur aħjar u li ta’ spiss, partikolarment fix-xhur tas-sajf, nisimgħu u naraw ġrajjiet li jsewdu l-qalb, ta’ persuni, familji u anke trabi li jitilfu ħajjithom fil-Mediterran. Quddiem din it-traġedja kontinwa, il-Papa Franġisku wasal biex lill-baħar kaħlani li jdawwar il-gżejjer tagħna jsejjaħlu “iċ-ċimiterju tal-Mediterran”.

L-Isqof temm l-ittra tiegħu b’appell għall-poplu Għawdxi biex mill-ftit tiegħu jkun ta’ servizz għal min hu fil-bżonn.

Tista’ taqra’ l-ittra sħieħa hawnhekk: Ittra lill-Poplu ta’ Alla: “Kont barrani u lqajtuni”