Fil-Belt l-aktar li jfaqqsu l-imwejjed u s-siġġijiet fit-triq

Il-Belt Valletta hija l-aktar lokalità li fiha kien hemm applikazzjonijiet minn sidien ta’ stabbilimenti tal-ikel biex jibdew joħorġu jew iżiedu l-imwejjed u s-siġġijiet fit-triq.
Minn informazzjoni li Newsbook.com.mt kiseb mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, jirriżulta mill-2013 sas-sena li għaddiet, kien hemm 49 applikazzjoni biex stabbilimenti joħorġu l-imwejjed u s-siġġijiet fit-toroq tal-Belt Valletta.
Fl-istess perjodu kien hemm 17-il applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex stabbilimenti tal-ikel fil-Belt iżidu l-ammont ta’ mwejjed u s-siġġijiet li kellhom barra.
B’kollox, tul dawn il-ħames snin, kien hemm total ta’ 413-il applikazzjoni ġdida. Skont l-informazzjoni miksuba, ingħataw 298 permess.
Fl-istess perjodu, ingħataw 61 permess lil stabbilimenti biex iżidu l-imwejjed u s-siġġijiet li diġà kellhom fit-toroq.
Wara l-Belt Valletta, li tinsab fuq nett tal-lista, bl-akbar permessi mogħtija, tiġi l-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. B’kollox, mill-2013, 36 stabbiliment ingħataw il-permess biex joħorġu l-imwejjed u s-siġġijiet.
Warajhom hemm San Ġiljan, il-Gżira u l-Mellieħa.
F’Għawdex l-aktar lokalità li għaliha nħarġu permessi kienet iż-Żebbuġ, li taħtha taqa’ l-lokalità ta’ Marsalforn.