Fil-Belġju identifikat l-appartament użat minn Salah Abdeslam

Il-Pulizija Belġjana taħseb li sabet il-post fejn kien mar jistaħba terrorist ewlieni wara l-attakki ta’ Pariġi, f’Novembru li għadda.
Fl-appartament fid-distrett ta’ Schaerbeek fi Brussell instabu traċċi ta’ splussiv, ċinturini magħmula bl-idejn u marki tas-swaba’ li jidhru li setgħu kienu ta’ Salah Abdeslam, l-uniku terrorista magħruf mill-grupp li wettaq l-attakki ta’ Novembru u li għadu maħrub.
Jidher ukoll li dan kien l-istess appartament li fih saru t-tħejjijiet għall-attakki ta’ Pariġi, u li fih ġew ippreparati ċ-ċinturini bl-isplussiv li ntużaw fit-13 ta' Novembru.
L-appartament kien mikri minn persuna li użat isem fittizju. 
Is-sejba saret mill-Pulizija fl-10 ta' Diċembru imma ġiet ikkonfermata biss dalgħodu.