Fil-baġit se nkomplu nagħtu sinjal ta’ fiduċja lill-poplu – Muscat

Read in English.

Il-Prim Ministru u Kap tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li fil-baġit il-Gvern se jkompli jagħti sinjal ta’ fiduċja lill-poplu.

Muscat qal dan waqt kollegament telefoniku mal-istazzjon tar-radju tal-partit tiegħu.

“Irridu nkomplu nirsistu biex l-ekonomija tibqa’ miexja l-quddiem u tiflaħ għal dan kollu,” qal Muscat. Qal ukoll li l-budget tal-14 ta’ Ottubru l-Gvern se jkompli jagħti sinjal ta’ fiduċja lill-poplu. Semma wkoll li se jkun hemm pjanijiet dwar kif il-Gvern se jipproteġi l-artijiet u l-arja li qed jieħdu n-nifs fiha n-nies.

Muscat qal li xogħol il-Gvern hu biex ma jżidx l-ispejjeż għan-nies u li fl-aħħar budgets ra kif għamel biex dan iseħħ. Żied jgħid li saru budgets mingħajr taxxi ġodda u li naqsu l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma.

Muscat qal li l-ekonomija kibret tliet darbiet aktar minn dik Ewropea. Qal li dan ifisser li Malta qed tieħu d-deċiżjonijiet t-tajbin li jattiraw l-investiment.

Muscat qal li filwaqt li l-Gvern se jibqa’ jġib ix-xogħol lejn Malta, irid ikompli jagħmel il-kuraġġ lill-Maltin biex huma wkoll ikomplu jinvestu.

Ġrat xi ħaġa bla preċedent – Muscat

Muscat qal ukoll li din il-ġimgħa “ġrat xi ħaġa bla preċendent” f’Malta. Qal dan b’referenza għall-ħruġ ta’ bonds li attiraw l-interess minn barra. Qal li għall-ewwel darba Malta kellha istituzzjonijiet finanzjarji li se jħallsu lil Malta biex iselfuha l-flus.

Muscat spjega kif il-Gvern ħareġ il-bond għal €50 miljun u li dawn l-istituzzjonijiet riedu jsellfu €300 miljun.

Muscat qal ukoll li tmienja minn kull għaxar Maltin huma sidien ta’ djarhom. Stqarr li l-Gvern irid jiffoka wkoll fuq dawn it-tnejn minn kull għaxar li qegħdin fil-kera – uħud protetti u oħrajn li mhumiex.

Fl-aħħar ta’ Lulju, Newsbook.com.mt kien żvela li l-baġit għas-sena 2020 se jiġi mħabbar fl-14 ta’ Ottubru.

Baġit 2020: Meta se jitħabbar?