Fil-baġit għandu jingħata rikonoxximent monetarju lill-frontliners – UĦM

REUTERS/Lucy Nicholson

Il-UĦM Voice of the Workers ipproponiet li fil-baġit multimiljunarju li se jitħabbar mill-Gvern nhar it-Tnejn li ġej, għandu jingħata rikonoxximent monetarju lill-ħaddiema tas-saħħa li kienu fuq quddiem tal-ġlieda kontra l-coronavirus.

Fi stqarrija maħruġa lbieraħ, il-UĦM qalet li dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela nhar il-Ħadd, jiġifieri li jingħataw amnestija dawk li ġew immultati minħabba ksur tal-avviżi legali b’rabta mal-coronavirus, huwa ta’ insult għall-ħaddiema tas-saħħa u għal dawk kollha li segwew ir-regoli tal-awtoritajiet tas-saħħa. Li kieku ma kienx għal dawn il-ħaddiema, qalet il-UĦM, Malta kien ikollha straġi bħalma ġara f’pajjiżi oħra.

Il-UĦM ikkummentat fuq il-messaġġi kunfliġġjenti mogħtija mill-awtoritajiet, peress li dak li jgħid il-Prim Ministru donnu jikkuntrasta mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa. L-unjin saħqet li donnu l-illaxkar tal-miżuri mhux qed isir wara konsultazzjoni u ftehim.

Fl-istqarrija ppubblikata qabel il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern ilbieraħ li fiha tħabbret b’mod uffiċjali t-tneħħija ta’ għadd ta’ restrizzjonijiet, l-unjin qalet li:

  • Il-postijiet tax-xogħol kollha li huma miftuħa jew dawk li se jiftħu għandhom jippreżentaw risk assessment, kemm fuq il-ħaddiema, kif ukoll fuq il-klijenti;
  • Il-Gvern għandu jara li ma jesponix lill-frontliners għal xi mewġa oħra li tista’ twassal għall-burnout tal-istess ħaddiema;
  • Il-PM għandu jagħmilha ċara li l-vulnerabbli għandhom jibqgħu jiġu protetti diment li l-awtoritajiet tas-saħħa ma jiddikjarawx li l-istat tal-emerġenza ma jibqax eżistenti.

Il-UĦM qalet ukoll li meta sar il-ftehim bejn il-partijiet soċjali, dan kien jgħid li €800 se joħroġhom il-Gvern u €400 se joħroġhom min iħaddem. Madankollu, “wara li sar dan il-ftehim deher biċ-ċar li l-Gvern ħareġ bi skema fejn l-employer jista’ jitlob li jiġi eżentat mill-€400 miftiehma.” L-unjin saħqet li f’tali ċirkustanza, il-Gvern għandu jagħmel tajjeb għalihom hu, sabiex il-ħaddiem ma jerfax piż iżjed minn dak miftiehem.

Il-UĦM qalet li qed tistenna illi fil-baġit ta’ nhar it-Tnejn, ikun hemm injezzjoni finanzjarja mibnija b’politika nazzjonali kif ukoll b’miżuri ekonomiċi u soċjali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn