Fiex wasal ix-xogħol tal-imwiegħed Buskett żgħir?

Il-Ministru għall-Ambjent Hosè Herrera qal li dwar l-imwiegħed Buskett żgħir fiċ-Ċentru ta’ Malta, s’issa sar xogħol amministrattiv li jinkludi talba għall-fondi mill-Unjoni Ewropea. Herrera stqarr li qed isir ix-xogħol biex jinħarġu l-offerti tax-xogħlijiet neċessarji u hu ppjanat li lejn l-aħħar tal-2020 jibda x-xogħol.

Hu spjega kif Ambjent Malta identifikat art bejn in-Naxxar u l-Mosta biex fiha jsir il-proġett. Fosthom se jsir tħawwil ta’ siġar indiġeni. Herrera qal li ż-żona tikkonsisti f’parti minn Wied il-Għasel, Wied Santa Katerina u Wied Għajn Riħana. Spjega kif din iż-żona ġiet identifikata minħabba li ħafna mill-karatteristiċi tagħha intilfu tul is-snin.

Il-Ministru Herrera qal li l-proġett se jkun qed jikkonsisti f’restawr tal-wied, restawr tal-ħitan tas-sejjiegħ, monitoraġġ xjentifiku tal-widien, tneħħija ta’ siġar invażivi u tħawwil ta’ madwar 3,000 siġra indiġena.

Dan ħareġ wara li l-Membru Parlamentari Jason Azzopardi saqsa lill-Ministru dwar fiex wasal ix-xogħol wara tliet snin li twiegħed dan il-proġett. Hu saqsa wkoll x’tip ta’ wildlife hemm fih illum iżda risposta dwar dan baqgħet ma ngħatatx.