“Fiduċjuż dwar soluzzjoni għall-ġenituri li jieħdu ‘l uliedhom l-Isptar San Luqa”

F’kumment fuq Facebook, iċ-Chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna qal li kellu laqgħa mal-kumitat li jieħu ħsieb l-Isptar San Luqa dwar il-problemi li jiffaċċjaw il-ġenituri li jieħdu lil uliedhom fiċ-Child Development Assessment Unit.
Oliver Scicluna esprima s-sodisfazzjon tiegħu bir-rispons ta’ dan il-kumitat fejn qal li għandu fiduċja kbira li se tinstab soluzzjoni biex tittaffa l-problema li jiffaċċjaw dawn il-ġenituri. Huwa faħħar l-aspett ta’ kooperazzjoni li ntwera minn dan il-kumitat.
Fl-aħħar ġimgħat Newsbook.com.mt kien tkellem ma’ omm li spjegat li biex tieħu lit-tfal l-Isptar San Luqa, ikollha tipparkja ‘l bogħod. Qalet ukoll li l-parkeġġ huwa dilapidat u li hemm ftit spazji riservati għal dawk bil-badge blu.
Iktar tard Newsbook.com.mt kien żvela li nħatar uffiċjal biex fost l-oħrajn jieħu ħsieb il-parkeġġ tal-Isptar San Luqa.