Fiduċja sħiħa li Comodini Cachia tinħatar mill-President bħala Kap tal-Oppożizzjoni – id-19 tal-PN

Read in English.

Id-19-il Membru tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li tilfu l-fiduċja fil-Kap Adrian Delia qalu li għandhom fiduċja sħiħa li l-mekkanimżu li tipprovdi l-Kostituzzjoni ta’ Malta se jwassal biex Therese Comodini Cachia tinħatar mill-President bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Id-19 qalu dan fi stqarrija però ma elenkawx l-ismijiet ta’ min huma d-19-il persuna.

“Matul l-aħħar jiem rajna eluf ta’ nies jesprimu tama ġdida li l-Partit Nazzjonalista jista’ jkun immexxi minn persuna li tassew tirrappreżenta l-prinċipji u l-valuri li matul is-snin li pajjiżna kien immexxi mill-Partit Nazzjonalista għamlu minn pajjiżna wieħed demokratiku, modern u Ewropew.

“Id-19-il Membru tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qed jaraw, jisimgħu u jħossu wkoll is-sens ta’ inkwiet tat-tesserati dwar is-sitwazzjoni li għaddej minnha bħalissa l-Partit Nazzjonalista. Id-19-il Membru tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qed jiżguraw li f’kull deċiżjoni li ħadu u f’kull deċiżjoni li għad iridu jieħdu jpoġġu dejjem l-interessi tat-tesserati, tal-Partit kif ukoll tal-pajjiz fuq quddiem nett. Huma jifhmu li bħala Membri tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista huma ġew eletti fil-Parlament bil-vot tagħhom u tal-bqija tal-elettorat Nazzjonalista u għalhekk ser jibqgħu jinsistu biex isaħħu l-Partit Nazzjonalista u jagħmluh Oppożizzjoni xierqa u b’saħħitha għal pajjiżna,” qalu l-membri.

Skont id-19, l-iżviluppi li seħħew matul il-jiem li għaddew juru kif l-elettorat li dejjem ta appoġġ lill-PN hu ħerqan għall-bidla meħtieġa biex Malta jkollha Oppożizzjoni mmexxija minn persuna ta’ integrità, serjetà, onestà, u kredibbilità li tpoġġi l-interess nazzjonali u tal-partit qabel l-interessi personali tagħha.

Qalu wkoll li mhux se jaqtgħu qalbhom quddiem l-isfidi li għandhom quddiemhom u li se jkomplu jagħmlu l-almu kollu tagħhom fl-istrutturi tal-PN, fil-Parlament, u direttament mal-elettorat sabiex Malta jerġa’ jkollha “Oppożizzjoni b’saħħitha.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kiser is-silenzju u stqarr fuq facebook l-intenzjoni tiegħu li jibqa’ jaħdem bla waqfien ‘għal pajjiżna u għal kull Malti u Għawdxi mingħajr biża’ jew influwenza u b’kuxjenza nadifa”, filwaqt li reġa poġġa filmat ta’ intervista li saritlu ftit tal-ġranet ilu fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista NET TV.

Intant il-gazzetti tal-Ħadd jaqblu li l-pożizzjoni ta’ Delia mhix tennibbli.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li hemm min qiegħed fl-oppożizzjoni li jrid jimponi fuq il-ġudizzju tal-president b’rabta mad-deċiżjoni li jrid jieħu dwar il-futur tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.