Filmat: Fidi u Tradizzjoni – Il-Festi tal-Għid f’Għawdex

Hekk kif il-Knisja Kattolika qed tgħix iż-żmien tar-Randan permezz tal-eżerċiżżji, sawm u karità, huma ħafna parroċċi li qed jitħejjew għall-festa tal-Għid.
Ġie ppubblikat il-programm tal-festi f’Għawdex, mill-Kumitat Inizjattiva Għawdex – Fidi u Tradizzjoni, bejn l-4 u l-20 t’April.
Fil-5 t’April se jittella’ d-dramm tal-Passjoni, bit-titlu, ‘L-Imsallab fi Triqatna’ fit-toroq tal-Belt Victoria.
Fis-6 t’April, se ssir il-Via Sagra filgħaxija, mill-Għolja t’Għammar u tgħaddi minn ħdejn Ta’ Pinu u tispiċċa l-Għarb. Il-Via Sagra se ssir bi ħsibijiet tal-Papa Franġisku.
Fil-11 t’April, fid-Duluri, se ssir quddiesa djoċesana u purċissjoni fit-toroq ewlenin filgħaxija.
Fix-Xewkija se ssir rappreżentazzjoni Bibblika, bl-isem ‘Il-Fidwa’, bejn it-12 u t-13 t’April, kif ukoll pageant fid-Duluri.
Fil-Qala u fil-Belt Victoria se ssir purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fit-13 t’April.
Fil-Ġimgħa l-Kbira, 18 t’April, se jsiru purċissjonijiet il-Belt Victoria, in-Nadur, ix-Xagħra u ż-Żebbuġ. Dawn jibdew wara l-5.30pm.
Fl-Għid il-Kbir fl-20 t’April, il-purċissjoni ta’ Kristu Irxoxt li jsiru filgħodu huma Kerċem, in-Nadur, ix-Xewkija, l-Katidral u San Ġorġ il-Belt Victoria. Filgħaxija, l-purċissjonijiet isiru ż-Żebbuġ, il-Fontana, il-Qala, ix-Xagħra u l-Għarb. 
Bejn l-4 u l-20 t'April se jkun hemm ukoll wirja miftuħa mit-Tnejn sas-Sibt, tax-xogħol tal-artist Antoine Camilleri f’Pjazza Indipendenza, il-Belt Victoria.