Fidget cubes, fidget spinners u issa?

L-għalliema madwar Malta din is-sena setgħu jiddeskrivu l-motivazzjoni tagħhom għas-sajf f’żewġ kelmiet – fidget spinners.
L-iktar drawwa riċenti taż-żgħażagħ li ddominat mhux biss il-btieħi tal-iskejjel imma ġieli anke l-klassijiet hi l-kollezzjoni vasta ta’ fidget spinners li minn sempliċi ġugarell spiċċat fenomenu grazzi għall-filmati fuq Youtube biex wieħed jitgħallem mossi ġodda biha.
Għalkemm f’xi klassijiet dawn kienu projbiti, allavolja fil-filmati ta’ riklamar kien jingħad li jgħinu lill-istudent jikkonċentra, wieħed jista’ jimmaġina kemm fil-verità dawn kienu kważi antipatki daqs is-sensazzjoni tal-bottle flipping.
Il-Fidget Spinners, li ħarġu fis-swieq internazzjonali ftit wara l-predeċussur tagħhom il-Fidget Cube, jidher li bħall-kumplament tal-ġugarelli tal-lum il-ġurnata ma tantx se jdumu popolari hekk kif fis-swieq internazzjonali diġà ħarġet sensazzjoni oħra.
Jidher li għas-sena skolastika li jmiss il-prodott li se jiddomina l-attenzjoni tal-istudenti adolexxenti se jkun it-Thinking Putty.
Dan se jkun magħmul minn materjal magħmul mis-silikon, però mingħajr dubju biex jiġbed l-attenzjoni tat-tfal dan se jkun għall-bejgħ b’kuluri differenti, kif ukoll kalamiti.
Nittamaw li bħalma l-fidget spinners għenu lit-tfal jikkonċentraw, it-Thinking Putty jgħinhom jaħsbu.