F’idejn il-Qorti jekk jitneħħewx il-bnadar tal-bastimenti ta’ Darren Debono

L-Imħallef Mark Chetcuti ma laqax argumenti kontra Darren Debono li huwa suspettat fil-kuntrabandu tal-fuel fis-sentenza in parte li ta fuq il-każ fejn Debono qed jipprova jwaqqaf it-tneħħija mir-reġistru tas-sitt bastimenti tas-sajd li jgħajtu lilu.

AQRA: Rapport jikxef kuntrabandu taż-żejt qrib Malta

Darren Debono li għandu l-ishma fil-kumpanija World Water Fisheries Ltd jinsab għaddej bil-proċeduri kontrih fi Sqallija wara li kien arrestat fuq kuntrabandu tal-fuel u ksur ta’ sanzjonijiet.

AQRA: Malta tissemma’ mill-ġdid f’każ marbut mal-kuntrabandu taż-żejt

Fl-isfond tal-iżviluppi fi Sqallija, ir-reġistratur ġenerali tal-Bastimenti Merkantili u Baħħara u l-Ministeru tat-Trasport ħasbu biex ineħħu l-bnadar tas-sitt bastimenti li huma tal-kumpanija ta’ Debono.

L-avukat Victor Bugeja li qed jidher f’isem Debono kien għamel mandat ta’ inibizzjoni biex dan ma jiġrix.

Is-sitt bastimenti huma MV Albasel, MV Marie De Lourdes, MV Marie De Lourdes I, III, u V, u MV Zeus. Il-bandiera ta’ dawn il-bastimenti ma tittieħdetx wara li l-Qorti aċċettat il-mandat ta’ inibizzjoni li sar mill-kumpanija World Water Fisheries Ltd.

L-Imħallef qal li l-bastimenti bla stat jitilfu d-drittijiet kollha tagħhom inkluż il-liċenzja tas-sajd. Huwa saħaq li miżura bħal din tkun qed waħda prematura anki fid-dawl li l-każ kontra Debono fi Sqallija għadu ma ġiex deċiż.

Bugeja li deher għal World Water Fisheries Ltd sostna li Debono kien qed jimpjega 36 persuna fuq il-bastimenti tas-sajd fil-każ li fetaħ kontra l-Ministeru. Saħaq li jekk tittieħed il-bandiera tal-bastimenti tas-sajd dawn il-persuni jispiċċaw bla xogħol.

Il-Qorti qalet li r-reġistratur u l-Ministeru għamlu diversi punti li ma ntlaqgħux mill-Qorti.

Fix-xhieda tiegħu, l-Ministru qal li huwa kien ħareġ l-istruzzjonijiet lir-reġistratur wara rakkomandazzjoni li saret mill-Bord tas-Sorvelljanza biex ikun evitat impatt negattiv fuq il-bandiera Maltija.

Il-Qorti mistenniha tagħti d-deċiżjoni finali dwar il-każ fil-ġimgħat li ġejjin.