Fid-Duluri niftakru fit-tbatija tal-ommijiet kollha – l-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li f’jum id-Duluri, wieħed jara mara li qed tbati għax hija omm.
Mons. Grech għamel l-omelija tiegħu fil-festa devozzjonali tad-Duluri fil-Knisja ta’ San Ġakbu fir-Rabat, Għawdex. Mons. Grech qal li Marija ma kinitx tkun l-Addolorata li kieku fi ħdanha m’għandhiex il-ġisem bla ħajja ta’ Binha Ġesù. Skont Mons. Grech, ir-raġuni vera għaliex Marija tinsab mifluġa bid-dulur hija għaliex il-laħam mitluq f’idejha huwa laħamha.
Waqt l-omelija tiegħu, Mons. Grech qal li “quddiem it-traġedja tat-telfa tal-ulied, m’hemm l-ebda kliem jew ġesti li jistgħu jfarrġu lill-omm. Kliemna ma jista’ qatt ifejjaq dik il-ġerħa, għax id-dulur tal-omm huwa proporzjonat għall-imħabba li biha l-omm tkun marbuta mal-wild tagħha.”
L-Isqof ta’ Għawdex qal li fid-Duluri jisma’ b’mod speċjali:

  • lil dawk li keffnu lil xi ħadd minn uliedhom li miet b’xi marda kerha
  • lil dawk li binhom ħareġ u ma ġiex lura għax miet f’inċident tat-traffiku
  • lil dawk li t-tifel jew it-tifla tagħhom ikunu mietu b’overdose tad-droga;
  • lil dawk li tilfu lit-tarbija b’abort naturali;
  • lil dawk li niżel għamad fuq moħħhom, neħħew it-tarbija mill-ġuf u llum ma jista’ jsabbarhom ħadd u xejn
  • lill-ommijiet tas-Sirja li raw lil uliedhom imutu fil-gwerra
  • lill-ommijiet mill-Afrika li wliedhom immigranti ġew mgħarrqa fil-Mediterran huma u jfittxu futur
  • lil dawk in-nisa li għamlu intervent kirurġiku biex fgaw il-maternità tagħhom u llum għandhom għali għax ma jistgħux ireġġgħu lura. 

Fi kliem l-Isqof Grech, Marija hija Omm Ġesù u bħal kull omm tibqa’ bil-kurdun imqabbad ma’ binha jew bintha, anki jekk dan fiżikament jinqata’. Qal li “il-kurdun jibqa’ mqabbad anki jekk il-wild imut”.
Waqt l-omelija tiegħu, Mons. Grech qal li “l-maternità hija vokazzjoni femminili, u jekk irridu nagħmlu għażliet favur il-mara, irridu ngħinu lill-mara tissodisfa x-xewqat tagħha. Il-maternità hija esperjenza għalkollox personali u ma għandhiex prezz.”
Mons. Grech kompla jgħid li  huwa offiża lid-dinjità tal-mara meta llum jitkellmu fuq “maternità mikrija” jew “maternità surrogata”. Skont l-Isqof, dan isir bl-iskuża li wieħed jew waħda jkunu jridu t-tfal, illum huwa possibbli li jinkera utru. Żied jgħid li dan huwa “fenomenu kapitalista” jew “prostituzzjoni riproduttiva”.
L-Isqof Grech qal ukoll li l-maternità mhix realtà esklussivament bijoloġika, imma tesprimi ruħha b’diversi modi bħalma huma l-adozzjoni u l-fostering.
Mons. Grech qal li jemmen li ħafna drabi l-egoiżmu jwassal lill-bniedem u lis-soċjetà biex ikunu xħaħ mal-ħajja. Qal li “l-miżuri soċjali li jingħataw lill-ġenituri li jkollhom tarbija mhumiex xi kumpens għall-fatt li huma ommijiet jew missirijiet, imma huma azzjoni ta’ ġustizzja soċjali mal-maternità u l-paternità.”