Fid-Dipartiment tal-Emerġenza m’hemmx sitwazzjoni ‘kaotika’

Wara li fil-ġranet li għaddew fuq il-mezzi tax-xandir ġie rrappurtat li fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira fid-Dipartiment tal-Emerġenza kien hemm sitwazzjoni kaotika, kelliem għall-Ministeru tas-Saħħa qal ma’ Newsbook li “filfatt ma kien hemm sitwazzjoni kaotika xejn … anzi l-Ħadd  qatt ma’ kien hemm paniku u Area 2 kienet vojta”.

Il-kelliem qal li matul il-ġurnata tal-Ħadd, il-Ministru Farrugia mar iżur pazjenti żgħar li kienu rikoverati fis-swali tat-tfal. 

Mistoqsi jekk hux minnu li fl-Emerġenza matul il-ġurnata tal-Ħadd kienx hemm ħafna nies jistennew, il-kelliem sostna li l-Ministru mar fl- Emerġenza u tkellem mal-persuni inkarigati u stqarru li l-każi minuri ma kinux ġew trattati minn filgħodu minħabba l-konsulent li s-soltu jarahom.

Kien għal din ir-raġuni, qal il-kelliem tal-Ministeru li kien hemm 20 pazjent  jistenna biex jingħata l-kura.  Sostna li pazjenti li kellhom każ aktar gravi nqdew mill-ewwel u xi wħud minnhom iddaħħlu fis-swali.

Kompla jgħid li l-Ministru Farrugia sar jaf li l-management tal-Emerġenza ma kienx qal lill-konsulent on duty b’dan in-nuqqas. Jidher li s-sitwazzjoni ttranġat billi ssejjaħ tabib ieħor.

Il-kelliem qal li “l-Ministru Farrugia tkellem ma’ dawk li kienu fl-Emergenza u dawn kienu altru minn sodisfatti bl-azzjoni li ttieħdet”. 

Madanakollu l-kelliem għall-Ministeru tas-Saħħa ma weġibx il-mistoqsija jekk hux minnu li l-Ministru kellu laqgħa ma’ uffiċjali għolja tal-isptar u talabhom biex ma jdaħħlux telefon ċellulari.

Fl-ewwel jiem tiegħu bħala Ministru għas-Saħħa Dr Farrugia waqqaf Action Committee biex jittratta s-sitwazzjoni fid-Dipartiment tal-Emergenza. Il-Kumitat qed jiltaqa’ b’mod regolari u qed ifassal pjan biex il-pazjent, jingħata l-kura meħtieġa fl-iqsar żmien possibbli.

Il-Ministru Farrugia hu l-ewwel Ministru f’din il-leġiżlatura li għażel li l-uffiċċju tiegħu jkun allokat fil-post fejn hemm l-iktar problemi fid-dekasteru.