Fid-Depot: 3 membri tas-Segretarjat ta’ Cardona

Read in English.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li tliet membri tas-Segretarjat tal-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qed jiġu interrogati mill-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana.

Ilbieraħ il-Ministru Chris Cardona nnifsu ssejjaħ mill-Pulizija għal interrogazzjoni, b’rabta mal-investigazzjoni li qed tagħmel dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Cardona kien suġġett ta’ diversi artikli tal-ġurnalista assassinata li jallegaw li l-Ministru ntlemaħ FKK Acapulco f’Dusseldorf. Il-Ministru kien ċaħad l-involviment tiegħu u fetaħ proċeduri legali. Sussegwentament, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista waqqa’ l-libelli wara li l-Qorti kisbet id-data tat-telefonija.

Nhar l-Erbgħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat, qabel laqgħa tal-Kabinett, qal lill-ġurnalisti li sa dak il-ħin ma kienx jidher li hemm rabtiet ma’ nies fil-politika.

Filmat: Assassinju Daphne: “Ma jidhirx li hemm politiċi involuti”

Min qed jikxef?

Il-Prim Ministru kien irrakkomanda li dak li qed jitqies bħala s-sensar (middle man) fl-assassinju tal-ġurnalista, jingħata l-maħfra presidenzjali, jekk id-dettalji li jagħti jwasslu għal riżultati.

Skont sorsi infurmati, Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black f’Dubaj, li ġie arrestat nhar l-Erbgħa li għadda meta allegatament kien se jaħrab minn Malta fuq jott, ukoll talab għall-maħfra presidenzjali, u s-Sibt din kienet qed tiġi kkunsidrata mill-Avukat Ġenerali.

Intant, midja oħra qed tirrapporta li llejla l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija kellhom laqgħa importanti dwar il-każ.