Fiċ-Ċina jinbiegħu b’€8.4 biljun ta’ prodotti mill-internet f’ġurnata

Ħafna jiddedikaw l-għada tal-festa ta’ San Valentinu, għal min, bil-maqlub ta’ lejliet, ma jkunx f’relazzjoni.
Iċ-Ċina għandha festa simili, “Singles’ Day”, imfakkra llum, iċċelebrata imma b’bejgħ u xiri minn fuq l-internet.
Din hi meqjusa l-ikbar ġurnata ta’ shopping minn fuq l-internet, fid-dinja.
Tant inxtraw prodotti llum li fi 12-il siegħa, inqabeż ir-rekord tal-bejgħ ta’ ġurnata sħiħa s-sena li għaddiet.
Skont il-ġgant tal-ekonomija online, Alibaba, is-Singles’ Day tal-lum fissret kummerċ online bil-valur ta’ €8.4 biljun.
Hu stmat li kull minuta saru 120,000 ordni u li 73% tal-ordnijiet fl-ewwel siegħa saru permezz tal-mowbajl.
Hu kkalkulat li wara llum, jinħtieġu 1.7 miljun kurrier, 400,000 vettura u 200 ajruplan biex iwasslu l-prodotti lill-konsumaturi. Dawn ivarjaw minn prodotti elettroniċi għal dawk ta’ sbuħija.