FIAU: “Is-skiet tal-Gvern ifisser li l-Gvern ammetta l-iżbalji” – Delia

Ian Noel Pace

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li s-skiet min-naħa tal-Gvern fuq ir-rapport dwar l-operat tal-FIAU hija ammisjoni ta’ ħtija, fejn il-Gvern qed jammetti li żbalja.

F’intervent telefoniku fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, Delia spjega kif l-Awtorità Bankjarja Ewropea (EBA) f’rapport dwar l-investigazzjoni tal-FIAU fuq il-Bank Pilatus saħqet li sabet nuqqasijiet serji u sistematiċi.

Huwa qal li dwar dan il-Gvern baqa’ sieket waqt li l-FIAU spiċċat l-id moħbija tal-Gvern billi l-agenzija qed tikser dik il-liġi li suppost tipproteġi.

Delia appella għal aktar minn darba biex kif jsir f’pajjiżi Ewropej oħra, l-Ministru kkonċernat jerfa’ r-responsabilità.

Delia qal li f’nuqqas li Ministru jirreżenja allura l-Prim Ministru jrid jerfa’ ir-responsabbiltà politika.

“Delia ironiku; tkellem fuq każ li kien ilu jikser snins” – Partit Laburista

F’risposta għad-diskors ta’ Delia, il-Partit Laburista sostna li hu ironiku li Delia tkellem fuq ir-rapport tal-EBA dwar l-FIAU billi uża l-eżempju ta’ persuni li ma jħallsux VAT meta hu stess “ilu jikser is-snin”.