“Fi żmien meta l-għasafar ibejtu, m’għandhomx jinqatlu bil-kaċċa” – L-Isqof Scicluna

Waqt il-programm Dissett fuq TVM, l-Amministratur Appostoliku, l-Isqof Charles Scicluna tkellem dwar ir-referendum kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa u sostna li ma jaħsibx li hemm bżonn li l-Knisja jkollha pożizzjoni. 
L-opinjoni personali tiegħu hi, li fir-rebbiegħa, fi żmien meta l-għasafar ibejtu, m’għandhomx jinqatlu bil-kaċċa.
L-Isqof Charles Scicluna tkellem ukoll dwar il-każ terroristiku fi Franza fejn sostna li l-espressjoni u l-libertà tal-kelma mhix bla limitu.
Saħaq li fil-libertà tal-espressjoni ma jridx ikun hemm kattiveriji kontra xi reliġjon għalkemm ma tistax toqtol bniedem għax joffendik.

Dwar l-iskejjel tal-Knisja, l-Isqof Scicluna qal li kien hemm diskussjoni mal-unjin tal-għalliema, l-MUT, li fehmu li l-iskejjel tal-Knisja għandhom ikollhom identità Kattolika.
Filwaqt li qal li l-Knisja ma tridx inkwiżizzjoni fuq il-ħajja personali tan-nies, sostna li fl-abbozz tad-dokument, hemm li sakemm persuna tiżgura li l-ħajja tagħha mhix se taffettwa l-pożizzjoni tagħha, tkun tista’ tkompli bil-kariga li tokkupa.

Ippreżentat bil-figuri li juru li żdiedu ż-żwiġijiet bil-Knisja u mistoqsi dwar id-divorzju, l-Isqof Scicluna qal li l-każi quddiem it-Tribunal Ekkleżjastiku għan-nullitá taż-żwieġ naqsu meta mqabbel mas-snin ta’ qabel.
Qal li dan mhux neċessarjament marbut mad-dħul tad-divorzju għalkemm ma eskludiex li dan jista’ jkun fattur.
Tkellem fuq il-ħtieġa ta’ korsijiet ta’ preparazzjoni għaż-żwieġ li jkunu kwalifikati u li joffru alternattiva lill-koppji żgħażagħ.

L-Isqof Scicluna enfasizza li l-Knisja ħasset il-ħtieġa li tkun parti mid-diskussjoni dwar l-Identitá tal-Ġeneru.
L-Isqfijiet iddiskutew mal-esperti tal-Knisja u l-proposti tressqu lill-Awtoritajiet biex iqisuhom u jaraw jekk għandhomx jinkluduhom fil-liġi.
Sadanittant il-koalizzjoni kontra l-kaċċa, SHout laqgħet il-pożizzjoni tal-Isqof Scicluna kontra l-kaċċa fir-Rebbiegħa. Sostniet li fil-kumment tiegħu Mons. Scicluna kkonferma l-impenn tiegħu għan-natura u s-sostenibbiltà.