“Fi żmien il-festi salvajna 6 persuni viċin is-suwiċidju”

Il-Psikjatra Dr Mark Xuereb minn Crisis Resolution Malta qal li fi żmien il-Milied permezz tal-linja tagħhom salvaw sitt persuni milli jikkommettu suwiċidju.

Dr Xuereb kien qed jitkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar ir-riżultati tal-kampanja ta’ 10 tijiem bl-isem ta’ Suicide Watch 10 fejn tkompla s-servizz ta’ linja tal-kriżi fejn persuni f’riskju ta’ suwiċidju setgħu jċemplu għall-għajnuna. Din il-kampanja tefgħet emfasi fuq is-solitudni fi żmien il-Milied u l-Ewwel tas-Sena.

Sostna li l-aktar ġranet li fihom irċevew telefonati kienu propju f’lejliet il-Milied u f’lejliet l-Ewwel tas-Sena. Spjega kif ħafna mit-telefonati kienu propju ta’ ġenituri inkwetati dwar uliedhom minħabba l-vizzji tad-drogi u l-konsum tal-alkoħol.

Bżonn kbir li n-numru ta’ Crisis Resolution Malta jibqa’ jixxerred

Dr Xuereb insista ma’ Newsbook.com.mt dwar il-bżonn li n-numru ta’ Crisis Resolution Malta, li huwa 99339966, jinxtered aktar mall-poplu Malti u Għawdxi.

Spjega kif propju fl-aħħar jiem ġie mgħarraf dwar persuna oħra li tilfet ħajjitha kawża tas-suwiċidju u tenna li qal bejnu u bejn ruħu, “issa li kieku dil-persuna kienet taf bin-numru ta’ Crisis Resolution Malta, kieku hemm ċans li għadha ħajja.”

Awdjo: “Żmien il-festi jwaslu persuni vulnerabbli għas-suwiċidju”

Kompla jgħid li persuni f’riskju ta’ suwiċidju jkunu jridu l-għajnuna. Sosnta li dawn il-persuni jkunu jridu li l-uġigħ tagħhom jitlaq u f’dak il-mument iħossu li dan huwa l-unika mod kif jistgħu jagħmlu dan.

Temm jgħid li huwa importanti li l-midja wkoll tirsisti sabiex dan in-numru jkompli jinxtered fil-gżejjer Maltin, għas-saħħa u l-benefiċċju tal-pajjiż kollu.

Jekk għaddej minn tbatija u għandek ħsibijiet dwar suwiċidju ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966 jew ibgħat imejl fuq crisismalta@gmail.com. Issib professjonisti lesti biex jgħinuk 24 siegħa kuljum.