Fi x’ħin irċieva l-istqarrija tal-MFSA l-Ministru? Dibattitu jaħraq

Qamet għagħa sħiħa fil-Parlament wara li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna beda jikkwota l-istqarrija tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) dwar it-tkeċċiha ta’ sid il-Bank Pilatus, li skont David Agius kien irċeviha qabel ma beda jaqra l-ewwel diskors tiegħu.
Sid il-bank Malti, li huwa Iranjan ta’ 38 sena ġie arrestat f’Virginia b’sitt akkużi serji fosthom ta’ parteċipazzjoni f’evażjoni tas-sanzjonijiet, frodi u ħasil tal-flus.
Illejla fil-Parlament il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li l-Kunsill tas-Superviżjoni tal-MFSA kien se jieħu dawk li sejjaħ numru ta’ miżuri sinifikanti fil-konfront tal-Bank Pilatus u x-shareholders tal-Bank.
Ftit wara, David Agius qal li l-Ministru Scicluna kien beda jaqra stqarrija maħruġa mill-MFSA minn fuq karta, meta ftit tal-ħin qabel kien qal li din l-istqarrija kienet għadha ma ħarġitx.
Id-Deputat Laburista Silvio Schembri qal li rċieva l-istqarrija tal-MFSA dwar it-tkeċċija ta’ sid Pilatus Bank għall-ħabta tal-4:45pm.  Qal li mbagħad talab biex issir kopja.
Fuq is-sit tal-MFSA tidher biss id-data tal-lum ta’ meta ħarġet l-istqarrija u mhux il-ħin preċiż ta’ meta ġiet ippubblikata. Newsbook.com.mt irċieva imejl mill-MFSA bl-istqarrija fil-4:50pm.
Fil-Parlament David Agius qal li l-Ministru Scicluna kellu kopja tal-istqarrija f’idejh. Talab biex il-filmat tas-seduta jinżamm sabiex jiġi analizzat biex wieħed ikun jista’ jara jekk Scicluna daħalx bl-istqarrija minn qabel jew le. Agius qal li jkun lest jiskuża ruħu jekk jirriżulta li kien żbaljat.
Silvio Schembri qal li bagħat imejl biex issir kopja tal-istqarrija mill-Iskrivan tal-Kamra fil-4:45pm. Edward Sciclna qal li hu talab biex issir kopja.
David Agius imbagħad talab lill-Gvern biex jiddeċiedi min kien dak li talab biex issir kopja. Scicluna qal li kemm hu u kif ukoll Schembri bagħatu imejl għal kopja.
Edward Scicluna qal fil-Parlament li qabel ma beda d-diskors tiegħu kien talab lill-MFSA biex joħorġu d-deċiżjoni tagħhom bil-miktub ħalli jkun jista’ jżida fl-istqarrija Ministerjali tiegħu. Qal li dan ma sarx għax l-MFSA kienet għadha ma ħaditx deċiżjoni. Spjega li l-MFSA kellha tinforma lill-Bank Pilatus bid-deċiżjoni tagħha qabel ma bagħtet l-istqarrija uffiċjali.