Fi 8 snin jiżdiedu b’10,000 dawk f’riskju ta’ faqar

Ċifri uffiċjali maħruġa mill-Unjoni Ewropeja fuq statistika tal-Gvern turi li s-sena li għaddiet, kważi kwart tal-popolazzjoni Maltija kienet tinsab f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.
Dan joħroġ minn stħarriġ ippubblikat mill-Eurostat, lejlet il-Jum Dinji għall-Eradikazzjoni tal-Faqar.
L-istatistika tqabbel ir-rata tas-sena li għaddiet ma’ dik tas-sena 2008. Minn dan jirriżulta li f’dawn it-13-il sena, żdiedu b’10,000 dawk il-Maltin u l-Għawdxin f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.
Għalkemm f’Malta r-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar hija 2.3% inqas mill-medja Ewropea, xorta waħda jibqa’ l-fatt li 90,000 persuna jinsabu fir-risku.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat fi tweet mibgħuta x-xahar li għadda, kien qal li r-rata ta’ 20.1% tal-popolazzjoni f’riskju ta’ faqar hija l-inqas mill-2008 ‘l hawn. Iżda l-istatistika tal-Eurostat, turi li l-persentaġġ ta’ dawk f’riskju ta’ faqar baqa’ l-istess u saħansitra żdied b’10,000 f’termini reali.

B’kollox, 23.4% tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea tinsab f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.
Dan ifisser li 117.5 miljun persuna għandha dħul baxx u huma materjalment deprivati, fost oħrajn.
Il-pajjiżi bl-għola rata ta’ nies f’riskju huma l-Bulgarija (40.4%), ir-Rumanija (38.8) u l-Greċja (35.6%), filwaqt li r-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, id-Danimarka u l-Irlanda għandhom l-inqas.