Fi stadju “avvanzat” l-investigazzjoni fl-użu tal-forza kontra tal-Graffitti

Moviment Graffitti

Il-każ li nfetaħ dwar l-allegat użu ta’ forza eċċessiva kontra attivisti mill-Moviment Graffitti u tal-Kamp Emerġenza Ambjent waqt protesta li saret fl-2018 jinsab fi stadju “avvanzat”.

Dan qalu l-Ministru għall-Intern Michael Farrugia fir-risposta tiegħu għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.

Farrugia qal li l-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija żamm diversi seduti u nstemgħu bosta xhieda dwar il-każ li jinsab fi stadju “avvanzat”.

Dakinhar xi attivisti li marru jipprotestaw kontra applikazzjoni ta’ pompa tal-petrol fiż-Żejtun spiċċaw tkaxkru ‘l barra mill-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar mill-Pulizija wara li ddeċidew li jidħlu jipprotestaw fil-bini. Xi wħud mill-attivisti ġarrbu xi ġrieħi ħfief.

Kelliem għall-Pulizija ikkonferma l-inċident ma’ Newsbook.com.mt u spjegat li kawża ta’ argument li seħħ fuq il-post issejħu l-Pulizija tal-RIU.

Waqt li kienet għaddejja s-sessjoni tal-Bord, attivisti tal-Moviment Graffitti u Kamp Emerġenza Ambjent ħarġu jipprotestaw u ddeskrivew il-pompa tal-petrol bħala “enormi”. Fi stqarrija spjegaw li din l-azzjoni qed tenfasizza kif disa’ xhur wara l-wegħda tal-awtoritajiet li se tiġi riveduta l-Fuel Service Station Policy, baqa’ ma sar l-ebda tibdil.