Fi Sri Lanka jerġa’ jibda ‘l quddies u jiftħu l-iskejjel tal-Knisja

Saċerdot mat-tfal fi skola tal-Knisja fi Sri Lanka wara li reġgħu fetħu l-bibien tagħhom

L-iskejjel Kattoliċi fi Sri Lanka reġgħu fetħu l-bieraħ wara li kienu ngħalqu temporanzjament għal raġunijiet ta’ sigurtà wara l-attakki ta’ Ħadd il-Għid fuq knejjes u lukandi li fihom inqatlu 258 persuna u aktar minn 500 oħra sfaw feruti.

Il-Kardinal Malcolm Ranjith, Arċisqof ta’ Colombo wara laqgħa mal-President tal-pajjiż u t-12 il-Isqof tal-post ħabbar li l-iskejjel tal-Knisja kienu se jerħgġu jiftħu u jitkompla t-tagħlim fihom b’mod normali.

Quddiesa speċjali ta’ tifkira

Il-Kardinal ħabbar ukoll li mill-Ħadd li ġej se jkompli ‘l quddies fil-knejjes Kattoliċi ta’ Colombo u li għada filgħaxija se ssir quddiesa speċjali f’Negombo biex tfakkar il-vittmi tal-massakru. “Il-quddiesa se ssir fil-beraħ u se tkun l-ewwel waħda wara l-isplużjoni fil-Knisja ta’ San Sebastjan fejn inqatlu 100 persuna.

L-iskejjel tal-Knisja baqgħu magħluqa wara l-attakk imdemmi, minħabba l-biża’ ta’ aktar vjolenza. Fl-istess waqt l-iskejjel kollha tal-Istat, aktar minn 10,000 reġgħu fetħu fis-6 ta’ dan ix-xahar wara li l-pulizija u s-suldati bdew jgħassu dawn l-iskejjel.  Madankollu l-attendenza tat-tfal kienet baxxa ħafna.

Il-Gvern qed iżomm il-grupp lokali tal-NTJ responsabbli għal dawn l-attakki.  Dan il-grupp iddikjara lealtà lejn l-ISIS li min-naħa tagħhom ħadu responsabbiltà għall-attakki. Permezz ta’ liġi ta’ emerġenza il-Gvern iddikjara lill-NTJ bħala grupp illegali.

56 persuna arrestati

Il-President tal-pajjiż,  Sirisena, għamel li seta’ biex jeqred lill-militanti u terġa’ n-normalità fil-pajjiż li għadu qed jirkupra minn gwerra ta’ 37 sena mis-separitisti Tamil. “L-offensiva kontra l-estremisti qed ikollha suċċess” intqal f’dikjazzjoni mill-Uffiċċju tal-President.

Il-Pulizija ta’ Sri Landa qed jgħidu li qatlu jew arrestaw lil dawk kollha li kienu responsabbli għall-attakki ta’ Ħadd il-Għid u bħalissa hemm 56 persuna arrestati.

L-Isqof Anglikan ta’ Colombo, Mons Dhiloraj Canagasabey qal li “Hemm bżonn ngħaqqdu l-forzi tagħna biex flimkien nerġgħu nibnu l-pajjiż. It-traġedja ta’ Ħadd il-Għid hi avveniment ikrah u terribbli għal pajjiżna. Issa bil-fidi f’Alla u l-imħabba bejnietna, nirbħu”.