Fi New York jistgħu jiżżewġu biż-Zoom

Unsplash

Iż-żwiġijiet fi New York fl-Istati Uniti, li tħassru minħabba l-miżuri tal-coronavirus, issa jistgħu jsiru online.

Il-koppji jistgħu japplikaw għal-liċenzja taż-żwieġ online, filwaqt li l-uffiċjali għandhom il-permess li jagħmlu ċ-ċerimonji virtwalment.

Din id-deċiżjoni qajmet diversi reazzjonijiet. Uħud esprimew ix-xettiċiżmu dwar tiġijiet fejn il-qraba u l-ħbieb ma jistgħux ikunu preżenti. Oħrajn ikkritikaw lill-Gvernatur għax ma jqisux din bħala prijorità.

New York mhux l-ewwel post li qed jirrikorri għall-internet biex joffri servizzi ta’ din in-natura. L-Emirati Għarab Magħquda riċentament ħabbret li ċ-ċittadini u r-residenti jistgħu jiżżewġu online. Dan wara li l-Ministru għall-Ġustizzja ħoloq websajt biex il-koppji jissottomettu d-dokumenti meħtieġa fuqha. Imbagħad tista’ ssegwi ċerimonja virtwali.

New York se tibqa’ fil-lockdown sal-15 ta’ Mejju li ġej. S’issa f’din il-belt mietu iktar minn 13,000 persuna minħabba l-coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn