Fil-Mjanmar il-Knisja Kattolika tagħti vuċi lil min m’għandux

Il-Kardinal Salesjan Charles Bo, Arċisqof ta’ Yangon fil-Mjanmar qal li minkejja l-estremiżmu u persekuzzjoni, il-Knisja Kattolika qed tgħin lil reliġjonijiet oħra li wkoll huma ppersegwitati biex ikunu rrispettati u jkollhom vuċi.
Il-Kardinal qal dan f’intervista wara li kellu żjara “ad limina” fil-Vatikan fejn iltaqa’ u tkellem mal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku.
Hu qal li l-Mjanmar qed joħroġ minn għexieren ta’ snin ta’ ħakma militari wara li l-partit National League for Democracy mmexxi minn Aung San SuuKyi rebaħ l-elezzjonijiet tal-2015 u ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh.
Il-minoranza Musulmana tar-Rohingya hi meqjusa min-Nazzjonijiet Magħquda bħala l-aktar waħda ppersegwitata fid-dinja, tant li mill-2010 'l hawn madwar 100,000 membru ta’ din il-minoranza kellhom jaħarbu mill-pajjiż bil-baħar filwaqt li l-ġlied bejn il-Buddisti u r-Rohingya li ilu għaddej mill-2012 wassal biex inqatlu aktar minn 200 persuna u hemm 140,000 maħruba mill-pajjiż.
Il-kardinal Bo qal li fil-laqgħa mal-Papa tkellmu ħafna dwar l-aħħar vjaġġ li l-Papa Franġisku għamel fil-Mjanmar ftit xhur ilu.
Hu rringrazzja lill-Papa talli f’dik iż-żjara ma ħalla lil ħadd barra mill-Ġeneral tal-Armata, l-awtoritajiet governattivi fosthom Auung San Kyi, il-patrijiet, mexxejja reliġjużi, żgħażagħ u lill kulħadd fejn ħalla messaġġ ta’ paċi, imħabba u rikonċiljazzjoni.
Mistoqsi xi frott ħalliet din iż-żjara lill-Knisja fil-Mjanmar il-Kardinal qal li l-ewwel frott li diġà qed jinħass hu li wara ħafna snin il-Knisja issa għandha kuntatt dirett mal-awtoritajiet u mal-militar.
Iż-żjara fetħet triq ġdida għad-djalogu. Il-Papa tana ħafna xogħol x’nagħmlu biex inġibu l-paċi u r-rikonċiljazzjoni. Għalkemm is-sitwazzjoni fil-pajjiż għadha waħda kumplessa, mexjin lejn il-paċi.
Qabel iż-żjara fil-Mjanmar, ħafna nies li mhux Kattolici anqas kienu jafu min hu l-Papa. Issa bil-kuntrarju.  Il-poplu tal-Mjanmar għandu rispett kbir u mħabba għall-Papa u stima u rispett lejn il-Knisja Kattolika. Japprezzaw ix-xogħol li qed nagħmlu biex ikun hemm il-paċi u l-pajjiż jinbena mill-ġdid.
Illum, fil-Mjanmar id-djalogu interreliġjuż qed jissaħħaħ. 
Kien hemm żmien fejn il-Musulmani kienu jgħidu li ma għadx fadlilhom vuċi fil-pajjiż u allura l-vuċi tagħhom hi l-Knisja Kattolika. Il-vuċi tal-estremisti fil-pajjiż hi qawwija u b-saħħitha iżda daqstant qawwija hi l-vuċi tal-Knisja Kattolika.