Dalwaqt toħroġ sejħa ta’ interess għall-bini ta’ powerstation li topera bil-gass

Il-Ministru għall-Energija Konrad Mizzi, ħabbar li fi ftit ġimgħat se toħroġ sejħa pubblika ta’ espressjoni ta’ interess fuq livell internazzjonali, għal dawk li huma interessati fil-bini tal-impjant il-ġdid li se jkun qed jaħdem bil-gass.

Dan tħabbar waqt il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Istitut tal-Enerġija Sostenibbli fi ħdan l-Università ta’ Malta.

Waqt il-konferenza, il-Ministru għall-Enerġija qal li l-Gvern se jkun qed jevalwa l-pjani nazzjonali għall-enerġija rinovabbli u għall-effiċjenza. Dan biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri tal-EU2020.

F’kummenti li ta lill-mezzi tax-xandir fi tmiem din il-konferenza, Konrad Mizzi kkonferma li l-Ministeru tiegħu mistenni jwaqqaf uffiċċju fl-impjant tal-powerstation ta’ Delimara.

Hu spjega li l-għan ta’ dan l-uffiċċju se jkun biex ikun żgurat li jitwettaq il-pjan tal-Gvern għall-bini tal-impjant il-ġdid tal-gas.