Fi Frar jonqsu dawk jirreġistraw għax-xogħol

Fi Frar, il-qgħad f’Malta naqas – kemm meta mqabbel ma’ Jannar u anke ma’ Frar tas-sena l-oħra.
Fit-tieni xahar tas-sena kien hemm 6,190 ruħ jirreġistraw għax-xogħol.
F’Jannar kien hemm kważi 200 ruħ iktar waqt li sena qabel, dawk jirreġistraw għax-xogħol kienu 1,500 persuna iktar.
F’Għawdex, il-qgħad naqas b’7 persuni meta mqabbel ma’ Jannar imma żdied bi 13-il persuna fuq bażi ta’ sena.
Skont l-NSO, b’mod ġenerali l-qgħad fi Frar naqas f’kull faxxa ta’ età u f’kull kategorija, l-iktar fost dawk li kienu ilhom jirreġistraw bejn 21 ġimgħa u sena. Naqsu wkoll il-persuni b’diżabilità li kienu qiegħda.
Dawk jirreġistraw għax-xogħol, fi Frar, kienu qed ifittxu mpjieg marbut ma’ snajja’ għall-irġiel u xogħol klerikali għan-nisa.
L-NSO ħareġ ukoll ir-rata ta’ qgħad għal Ottubru, li kienet ta’ 3.8% ta’ dawk fl-età li jaħdmu.