Fi Franza, jekk jitla’ kandidat famuż, jibdew jaħdmu 32 siegħa

Ix-Xellug estrem jinkwieta lill-investituri fi Franza
Numru ta’ investituri qed ibigħu l-bonds Franċiżi wara li stħarriġ pubbliku indika li l-kandidat tax-xellug estrem, Jean-Luc Mélenchon, jista’ jwettaq sorpriża elettorali kbira fl-elezzjoni Presidenzjali tal-pajjiż. Mélenchon għandu bosta proposti estremi fosthom rata massima ta’ taxxa fuq id-dħul ta’ 100%, it-tnaqqis tas-sigħat ta’ xogħol f’ġimgħa għal 32 u l-irtirar tal-pajjiż min-NATO.
F’dan l-istħarriġ huwa kklassifika fit-tielet post (19%), ftit ‘il bogħod mill-possibbiltà li jikkwalifika għar-run off bejn l-ewwel żewġ kandidati. Fl-ewwel żewġ pożizzjonijiet irriżultaw Marine Le Pen, tal-lemin estrem (24%) u Emmanuel Macron (ċentru, indipendenti) bi 23%.
L-agħar xenarju għall-investituri huwa li jkunu proprju ż-żewġ kandidati tax-xellug u lemin estrem li jagħmluha mal-aħħar tnejn. Din l-elezzjoni hija l-aktar waħda li diffiċli tipprevedi fl-aħħar snin minħabba l-kollass assolut tal-Partit Soċjalista, li fil-preżent jinsab fil-Gvern, kif ukoll l-iskandlu li kisser ir-reputazzjoni tal-kandidat li sa ftit xhur ilu kien il-favorit nett, iċ-ċentru-lemini Fillon.
Kemm Le Pen kif ukoll Mélenchon huma meqjusa bħala anti-establishment, juru oppożizzjoni qawwija għall-kummerċ ħieles, huma ostili għall-UE u l-ewro u jitkellmu favur intervent akbar mill-Gvern fl-ekonomija: kollha fatturi li ma jinżlux tajjeb mal-investituri li jfittxu stabbilità fis-suq.
Dan kollu wassal għal tħassib fis-suq li żied l-imgħax fuq il-bonds Franċiżi għall-ogħla rati fl-aħħar xhur, u issa jinsabu 70 punt bażi fuq l-imgħaxijiet tal-bonds Ġermaniżi, li huma meqjusa bħala l-istandard fl-industrija finanzjarja.
Ottimiżmu ekonomiku fil-Ġermanja
Il-moral tal-investituri fil-Ġermanja jinsab fl-aqwa livelli sa minn Awwissu 2015, li rriżultata fl-ewwel kwart tas-sena jkun b’saħħtu ferm għall-akbar ekonomija Ewropea. Iċ-ċentru ta’ riċerka ZEW qal li l-indiċi ta’ sentiment ekonimku tela’ għal 19.5-il punt minn 12.8 f’Marzu.
Fost ir-raġunijiet ta’ dan l-avvanz, jidher li l-investituri Ġermaniżi qed iserrħu rashom li ħafna mill-wegħdi tal-President Donald Trump dwar mewġa ta’ protezzjoniżmu kien biss retorika elettorali. Fost l-oħrajn, Trump kien hedded li jimponi taxxa ta’ 35% fuq karozzi impurtati mill-Ġermanja, biex jipproteġi lill-industrija Amerikana. Il-Ġermanja hija t-tielet l-akbar produttur ta’ karozzi fid-dinja wara ċ-Ċina u l-Ġappun.
Ekonomija b’saħħitha tista’ tkun fundamentali għall-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel hekk kif aktar tard din is-sena mistennija titlob lill-poplu Ġermaniż jafdaha bit-tmun tal-pajjiż għar-raba’ leġislatura konsekuttiva. Ċifri oħra dwar l-ewwel kwart tas-sena juru żidiet fil-produzzjoni industrijali u titjib fil-kummerċ, filwaqt li r-rata ta’ qgħad tibqa’ fost l-aktar baxxi fl-Unjoni Ewropea.
Fuq bażi ta’ din il-mewġa ta’ pożittività fost l-investituri ewlenin fil-pajjiż, l-istituti ta’ riċerka ewlenin tal-pajjiż irrevedew it-tbassir tagħhom għat-tkabbir ekonomiku għal din is-sena minn 1.4% għal 1.5%, u għal 1.8% is-sena d-dieħla.
Fl-2016, l-ekonomija Ġermaniża kibret ħarira anqas minn 2%, l-għola rata f’dawn l-aħħar ħames snin.
Tħassib fuq il-proprjetà fl-Istati Uniti
Wara t-tmiem tal-kriżi finanzjarja fl-Istati Uniti, inbnew aktar minn miljun appartament. Ironikament, huma proprju l-banek li ffinanzjaw din l-isplużjoni ta’ kostruzzjoni li issa huma mħassba, hekk kif il-pajjiż reġa’ riesaq lejn provvista eċċessiva u l-banek reġgħu kabbru espożizzjoni qawwija għall-proprjetà.
Għal din ir-raġuni, il-Federal Reserve, l-ekwivalenti tal-Bank Ċentrali f’Malta, ordna studju li janalizza x’impatt jista’ jkollu jekk il-valur tal-proprjetà kummerċjali jonqos b’madwar 35%. Filwaqt li t-tnaqqis tal-prezz tal-proprjetà huwa proċedura normali fil-kuntest tal-hekk imsejħa stress tests bankarji, din is-sena il-Federal Reserve qed tpoġġi enfasi akbar fuq ir-rwol tal-proprjetà fil-portafoll bankarju.
Fl-eqqel tal-kriżi tal-2008/9, il-prezzijiet tal-proprjetà kummerċjali kienu niżlu b’madwar 40%, saħansitra aktar mir-residenzi privati, u din l-esperjenza riċenti u kerha għadha fuq moħħ il-bankiera u r-regolaturi.
Hu kkalkulkat li fl-2016, il-banek Amerikani selfu madwar 2 triljun dollaru għall-proprjetà, żieda ta’ madwar 30% f’erba snin biss. Skont studju minn Deutsche Asset Management, fl-2016 aktar proprjetajiet kienu disponibbli bħala proporzjon tas-suq totali għal kull sena mis-sena 2000. Dan jista’ jwassal biex is-sistema bankarja tkun esposta aktar għal xokk fis-suq.
Minkejja dan, hemm bankiera li ma jaqblux ma’ dan it-tħassib. Fosthom, Michael Bull, Kap Eżekuttiv ta’ Bull Reality, li jsostni li kultant tista’ toħloq problema proprju jekk tinħoloq perċezzjoni li tista’ tkun ġejja problema, li jwassal biex jonqos is-self u jinbeda ċiklu negattiv li jwassal għal kriżi reali.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.