Fi 8 xhur, twaqqfu 5,000 persuna milli jitilqu mil-Libja – Bartolo

Read in English.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo, qal li bis-saħħa tar-relazzjonijiet b’saħħithom li nbnew fl-aħħar xhur, minn Marzu ’l hawn twaqqfu mal-5,000 persuna milli jitilqu mil-Libja u jaqsmu l-Mediterran b’mod irregolari.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-baġit għas-sena d-dieħla, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Bartolo ħabbar li Malta se tkompli tifrex il-preżenza tagħha b’ambaxxati ġodda fl-Afrika u fl-Amerka Latina bil-għan li ssaħħaħ ir-rabtiet politiċi u kummerċjali f’dawn il-kontinenti.

Dan filwaqt li tkompli l-ħidma fil-Libja biex tkompli titjieb is-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż u dan fl-interess kemm tal-Libjani kif ukoll tal-Maltin.

F’dan ir-rigward, il-ministru saħaq li Malta se tibqa’ soda fil-konfront tal-migrazzjoni irregolari biex il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jaqsmu r-responsabbiltà ta’ dawk li ħaqqhom l-ażil, u biex dawk li ma jikkwalifikawx għal kenn politiku jintbagħtu lura pajjiżhom.  

Irrefera wkoll għat-terremot li laqat it-Turkija u l-Greċja fl-aħħar sigħat, bil-ministeru minnufih fittex li jagħmel kuntatt mal-Maltin kollha fir-reġjuni affettwati biex jassigura l-benesseri tagħhom.

Dan bl-istess mod kif ħadem matul il-pandemija biex ġab lura Malta aktar minn 1,600 persuna residenti f’pajjiżna waqt li kien ċentrali fl-akkwist u fil-forniment tat-tagħmir mediku meħtieġ mill-awtoritajiet tas-saħħa fil-ġlieda kontra l-COVID-19.