Fi 3 snin l-udjenza ta’ Newsbook irdoppjat

Miguela Xuereb

Newsbook.com.mt fi tliet snin irnexxielu jirdoppja l-udjenza”. Dan kien il-kumment ta’ Maria Callus li hija Digital Transformation Manager ma’ Beacon Media Group, is-sid ta’ Newsbook.com.mt u 103 Malta’s Heart. Sylvana Debono, Editor in Chief, tattribwixxi din ż-żieda l-aktar għal-livell għoli ta’ ġurnaliżmu li l-qarrejja jsibu fuq Newsbook.com.mt.

Kemm kibru l-udjenzi?

Callus qalet li l-istatistika li toħroġ mill-Google Analytics turi minuta b’minuta kemm ikunu qed jaraw Newsbook.com.mt, kemm idumu jaqraw u liema stejjer jaqraw, fost ħwejjeġ oħra.

Hija qalet li mhux biss irduppjat l-udjenza iżda min jidħol fi Newsbook.com.mt qiegħed jaqra aktar stejjer milli kien jaqra qabel, u jidħol aktar ta’ spiss milli kien jidħol qabel.

“Għal ħafna nies Newsbook.com.mt sar il-kumpann tal-ġurnata”, qalet Callus.

Hija kompliet tgħid li qed isiru sforzi kontinwi biex il-websajt dejjem jitjieb ħalli jkun aktar faċli li l-qarrejja jidħlu fih u jkollhom esperjenza pożittiva.

Għaliex jaqraw Newsbook?

Sylvana Debono, Editor-in-Chief, qalet li aktar u aktar nies qed jaqraw Newsbook.com.mt għax il-websajt qed toffri ġurnaliżmu serju, aġġornat u pront.

“Aħna kkommettejna ruħna li nkunu ‘accurate, fair u trustworthy’ u hekk qed nippruvaw nagħmlu.” Hija semmiet ukoll ir-rapporti esklussivi li jkun hemm fil-websajt kif ukoll ir-rappurtaġġ fil-pront.

“Aktar kmieni din il-ġimgħa, pereżempju, aħna ġibna li s-Segretarju tal-Istat għad-Difiża kien telaq mill-ajruport fl-Istati Uniti biex jiġi Malta. Aktar tard matul il-lejl, għall-ħabta tat-3.30am tellajna rapport dwar it-terremot li kien għadu kif sar”, qalet Debono.

Min jaqra Newsbook.com.mt

Maria Callus qalet li Newsbook.com.mt għandu udjenza varjata ħafna. Qalet li l-udjenza hija bilanċjata bl-għadd ta’ rġiel u nisa u li waqt li l-udjenza tirrifletti faxex differenti ta’ etajiet hemm rappreżentanza qawwija tal-udjenza bejn l-età ta’ 35 u 50 sena.

X’jogħġbok u x’tixtieq tara iktar fuq Newsbook?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt