Fi 3 snin Joseph Muscat bħala PM nefaq €2 miljun f’safar

DOI – Clifton Fenech

Bejn l-2017 u l-2019, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru nefaq kważi 2 miljun ewro f’safar.

Din iċ-ċifra ħarġet mill-informazzjoni li ta l-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament meta mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici.

Fl-ewwel seduta parlamentari wara l-vaganzi tas-sajf ilbieraħ, il-Prim Ministru spjega li n-nefqa nqasmet hekk:

2017€586,944
2018€670,583.64
2019€661,945.01

B’hekk, it-total minfuq fi tliet snin kien ta’ €1,919,472.65.

F’dak il-perjodu, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien okkupat minn Joseph Muscat, li rreżenja minn Prim Ministru f’Diċembru li għadda qalb l-investigazzjonijiet fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Robert Abela beda jokkupa l-kariga f’Jannar li għadda.

Waqt is-seduta parlamentari tal-bieraħ, Muscat irreżenja wkoll minn Membru Parlamentari wara 12-il sena jservi bħala Deputat u tliet snin qabel bħala Membru Parlamentari Ewropew. Huwa qal li kburi li serva fi tliet leġiżlaturi tal-Parlament. Qal li filwaqt li skont in-natura tiegħu jaħseb li seta’ għamel iktar, hu sodisfatt li qed jħalli lill-pajjiż aħjar milli sabu.

Is-safar ta’ Muscat f’Diċembru li għadda kien wieħed kontroversjali peress li l-pajjiż kien għaddej minn taqlib politiku kbir hekk kif bdew ħerġin aħbarijiet xokkanti mill-investigazzjoni tal-assassinju dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

F’Novembru tal-2019, ġie arrestat Yorgen Fenech, li kien Direttur tal-Electrogas u ta’ Tumas Group. Huwa qed ikun akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-ħabib tiegħu Keith Schembri, dak iż-żmien Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, kien implikat fl-assassinju minn Fenech, u dan wassal għar-reżenja ta’ Schembri. Il-Pulizija tgħid li hu qed jiġi investigat, iżda mhuwiex arrestat. Kien ġie arrestat f’Novembru u nħeles bil-police bail.

Fil-qalba ta’ dan kollu, f’Diċembru li għadda, Muscat żar diversi pajjiżi. Wara li fl-1 ta’ Diċembru ħabbar ir-reżenja tiegħu, kien attenda summit tal-Unjoni Ewropea dwar Brexit, kellu żjara fl-Italja u viżta privata mal-Papa Franġisku. Lejlet il-Milied qattgħu f’Betlehem. Matul dan il-perjodu, kien ġie żvelat mill-midja li Muscat siefer Dubaj fis-27 ta’ Diċembru, iżda skont il-Gvern, huwa mar fuq btala privata. Kellu wkoll safra li qatt ma ġiet ikkonfermata lejn Londra ftit tal-jiem wara.

Fil-Parlament kien ħareġ, imbagħad, li dan is-safar ta’ Muscat sewa €126,000.

X’qal il-PM fil-Parlament fuq is-safar ta’ Muscat?
€126,000 għas-safar ta’ Muscat fl-aħħar ġimgħat