Fi 3 snin intefqu aktar minn €30,000 f’kontenituri tal-iskart fuq il-bajjiet

Bejn l-2018 u l-2020 ntefqu €30,560 f’kontenituri tal-iskart fuq il-bajjiet. Fl-2018 l-ispiża kienet ta’ €6,375.54. L-akbar spiża ta’ xiri ta’ dawn il-kontenituri saret fl-2019 b’total ta’ €12,454.90 filwaqt li fl-2020 l-ispiża kienet ta’ €11,729.60.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli fil-Parlament qalet li d-Dipartiment għat-Tindif u l-Manutenzjoni (CMD) jieħu ħsieb 52 bajja u jsir tindif regolari ta’ kuljum minn 108 ħaddiem tat-tindif tal-bajjiet.

Fil-Parlament il-Ministru Farrugia Protelli ppreżentat il-bajjiet li jaħdmu fihom l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu flimkien man-nies tal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi (FTZD). Hija qalet li f’dawn il-bajjiet isir xogħol ta’ manutenzjoni intensiv qabel is-sajf u jiġi pprovdut servizz ta’ superviżjoni u anke ta’ salvataġġ. Dawn il-bajjiet huma: l-Għadira,  Golden Sands (Bajja tal-Mixquqa), Għajn Tuffieħa (Riviera), Buġibba Perched Beach, Qawra Point, San Ġorġ, San Ġiljan, Balluta, San Ġiljan, Fond Għadir, Sliema, Fajtata, Marsaskala, San Ġorġ, Birżebbuġa, Pretty Bay, Birżebbuġa, Wied iż-Żurrieq, Għar Lapsi. Spjegat li l-MTA tikkontribwixxi wkoll f’fondi sostanzjali għall-immaniġġjar tal-bajjiet f’Għawdex u Kemmuna.

Hija qalet li f’dawn il-bajjiet isir xogħol ta’ manutenzjoni regolari matul is-sena kollha minn 14-il impjegat li jaħdmu fil-workshop u spjegat li jitpoġġew slielem, carpets hand railings kull sena għal ħabta t’April u jitneħħew f’Ottubru biex issirilhom il-manutenzjoni neċessarja.

Il-Ministru tat-Turiżmu qalet li dawn il-bajjiet huma kollha aċċessibbli għal persuni mingħajr bżonnijiet speċjali, filwaqt li f’diversi bajjiet  hemm rampa biex tgħin lil persuni bi bżonnijiet speċjali jkollhom aċċess. Il-bajjiet li għandhom rampa huma:

Tramuntana:

  • Xemxija
  • Għadira
  • Bajja ż-Żgħira Santa Marija Estate
  • Paradise Bay
  • Wied Musa
  • L-Armier
  • Little Armier
  • Torri l-abjad (il-kbira)
  • Torri l-abjad (iż-żgħira)
  • Golden Bay
  • Ġnejna

Ċentrali:

  • San Ġorġ
  • Baħar Iċ-Ċagħaq (taħt il-lukanda)
  • Exiles
  • Taħt id-Dolmen
  • Bajja ta’ Fra Ben
  • Qawra Point

Nofsinhar :

  • Rinella
  • Xatt tax-Xgħajra
  • Fajtata
  • Pretty Bay

Fit-tweġiba tagħha l-Ministru spejgat ukoll li l-bajjiet tal-Mellieħa, Golden Bay, San Ġorġ u Pretty Bay, Marsalforn u r-Ramla l-Ħamra għandhom siġġijiet bir-roti li jinżlu fl-ilma u tapiti tal-injam jew plastik.filwaqt li l-Fajtata, il-Qawra Point, l-Exiles tas-Sliema, it-Tunnara Mellieħa u Birżebbuġa ħdejn il-pitch, hemm hoist chairs li jgħinu lill-persuni bi bżonnijiet speċjali jinżlu fl-ilma.

Farrugia Portelli qalet li fl-2019 ġew installati doċċi fi 12-il bajja li huma:
  • Għadira
  • Golden Sands (Bajja tal-Mixquqa)
  • Armier
  • Buġibba Perched Beach
  • San Ġorġ, San Ġiljan
  • Balluta, San Ġiljan
  • Fond Għadir, Sliema
  • Fajtata, Marsaskala
  • San Ġorġ, Birżebbuġa
  • Pretty Bay, Birżebbuġa
  • Ġnejna
  • Wied iż-Żurrieq
  • Għar Lapsi

Hija rrimarkat li minħabba l-pandemija tal-Covid-19, l-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika taw struzzjonijiet li ma jkunx hemm docci jew portable toilets fuq ix-xtut Maltin u Għawdxin.

Din l-informazzjoni ngħatat mill-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli bi tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista David Thake.