F’Ħamis ix-Xirka l-Papa se jerġa’ jaħsel saqajn il-ħabsin f’Faċilità Korrettiva

Il-Faċilità Korrettiva ta' Velletri fejn il-Papa se jiċċelebra Ħamis ix-Xirka

Nhar il-Ħamis 18 ta’ dan ix-xahar, il-Papa Franġisku se jżur il-Faċilità Korrettiva li hemm f’Velletri, f’Ruma biex hemmhekk jiċċelebra l-funzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka, inkluż il-quddiesa taċ-Ċena tal-Mulej.

Vatican News ħabbar li f’din iż-żjara l-Papa se jiltaqa’ mal-priġunieri, l-impjegati ċivili, il-gwardjani u jiċċelebra l-Ewkaristija inkluż ir-rit tal-Ħasil tar-Riġlejn ta’ tnax-il priġunier.

Jilqgħu lill-Papa Franġisku fil-faċilità korrettiva se jkun hemm id-Direttur, Maria Donata Iannantuono, id-Deputat Direttur Pia Palmeri, il-kmand tal-pulizija tal-ħabs, Maria Luis Abbossida u l-kappillan tal-ħabs, Don Franco Diamante.

Il-ħabs ta’ Velletri jinsab madwar siegħa bogħod minn Ruma u nfetaħ fl-1991 – jiġifieri hu relattivament struttura ġdida li tikkonsisti f’erba’ sulari li fihom hemm 275 ċella u jilqa’ fih madwar 550 priġunier barra milli fih ukoll għassa tal-pulizija.

Din se tkun il-ħames darba li l-Papa Franġisku se jiċċelebra Ħamis ix-Xirka mal-priġunieri. Sa minn meta kien elett Papa fl-2013, kull sena, il-Papa preżenti warrab it-tradizzjoni li jiċċelebra l-liturġija ta’ dan il-jum bir-rit tal-ħasil tar-riġlejn fil-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran kif għamlu l-papiet ta’ qablu.