F’Ħamis ix-Xirka il-Papa se jerġa’ jaħsel riġlejn il-priġunieri

Din is-sena, fl-okkażżjoni ta’ Ħamis ix-Xirka, il-Papa Franġisku ddeċieda li jmur  jaħsel riġlejn priġunieri li jinsabu f’ħabs ftit barra minn Ruma fosthom ex mafjużi li ddeċidew li jikkollaboraw mal-ġustizzja. Għal dawn l-aħħar snin il-Papa għamel ġesti simili biex juri l-umilta’ u l-missjoni tiegħu ma’ dawk emarġinati.
Nhar il-Ħamis 13 ta’ April il-Papa se jmur f’Paliano, madwar 40 mil barra minn Ruma u hemm, fil-ħabs, se jiċċelebra ‘l quddiesa li tfakkar l-Aħħar Ċena li fir-rit tagħha titlob li s-saċerdot jimita dak li għamel Kristu meta ħasel riġlejn l-appostli.
Dan il-ħabs jinsab fi speċi ta’ fortizza li hu maħsub li fl-imgħoddi serviet ta’ ħabs għall-priġunieri minn stati li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-predeċessuri tal-Papa Franġisku.
Din mhux se tkun l-ewwel darba li l-Papa Franġisku ċċelebra l-Aħħar Ċena f’xi ħabs. Infatti fl-ewwel okkażżjoni wara l-ħatra tiegħu kien mar f’Ċentru ta’ Detenzjoni taż-Żgħażagħ f’Ruma fejn kien ħasel riġlejn anke priġunieri nisa u oħrajn Musulmani.
Is-sena ta’ wara kien mar f’Ħamis ix-Xirka f’ċentru tal-persuni b’diżabilita’ filwaqt li fl-2015 mar fil-ħabs magħruf  ta’ Rebibia, f’Ruma, fejn għal darb’oħra ħasel riġlejn priġunieri uħud minnhom nisa. Is-sena li għaddiet, Papa Franġisku reġa’ ħareġ mill-Vatikan f’din l-okkażżjoni u mar f’Ċentru tar-Refuġjati fejn ukoll ħasel riġlejn detenuti fosthom Musulmani u Hinduisti.
It-tradizzjoni li jiċċelebra t-tifkira tal-Aħħar Ċena mal-foqra, priġunieri u oħrajn anqas fortunati, il-Papa bdiha meta kien għadu Arċisqof ta’ Buenos Aires fl-Arġentina fejn kien jiċċelebra din il-liturġija fi sptarijiet, ospizji u ċentri ta’ riabilitazzjoni tad-drogati.
Meta fl-2013 il-Papa Franġisku kien iddeċieda li fir-rit tal-ħasil tar-riġlejn jinkludi wkoll xi nisa, kienet qamet polemika għax sa dakinhar ir-regoli tal-knisja kienu li n-nisa ma setgħux jieħdu sehem fiċ-ċerimonja għax dik kienet tissimbolizza l-ħasil tar-riġlejn minn Kristu lill-Appostli, li kienu kollha rġiel.
Iżda is-sena li għaddiet il-Papa ħareġ digriet li fih qal li dan ir-ritwal għandu jkun miftuħ anke għan-nisa biex juri b’aktar qawwa il-ġest ta’ Ġesu’ Kristu li jagħti lilu nnifsu għas-salvazzjoni tad-dinja u l-ħniena bla limiti tiegħu.