F’ħames snin jinġabru iktar minn €16-il miljun għall-karità

Il-President ta’ Malta George Abela laqa’ lill-pubbliku fil-Palazz ta’ San Anton għall-aħħar darba f’din il-Presidenza. Il-bibien ta’ San Anton infetħu apposta biex l-għaqdiet non-governattivi jiġu ppreżentati bil-fondi miġbura waqt l-Istrina u attivitajiet oħrajn b’risq il-karità.
Fil-kelmtejn tiegħu, il-President ta rendikont ta’ x’sar f’dawn l’aħħar ħames snin.

F’ħames snin il-Malta Community Chest Fund, bl-attivitajiet kollha b’kollox ġabret aktar minn €16-il miljun. Minnhom tqassmu aktar minn €9 miljun u nofshom marru fi spejjeż mediċinali. L-għaqdiet non-governattivi ngħataw aktar minn €4 miljun u l-bord kellu quddiemu aktar minn 11,500 applikazzjoni x’jifli. Semma’ it-€2.5 miljun allokati għal dar Kenn għal Saħħtek li llum ija vvalutata aktar minn €4 miljun.

Il-President spjega li filwaqt li fil-bidu l-baġit kien ta’ madwar €60,000 fix-xahar, illum il-ġurnata, il-Malta Community Chest Fund ta’ kull xahar tirċievi mal-kwart ta’ miljun ewro f’għotjiet.
Waqt il-preżentazzjoni tal-lum ingħataw fondi lil 52 NGO u bejniethom ħadu mad-€900,000
Fost dawk li qed jibbenefikaw minn dawn il-fondi hemm il-Caritas, Fondazzjoni Inspire, Dar San Ġużepp, l-Oratorju Don Bosco f’Għawdex, JRS Malta u Puttinu Cares.