F’ħalq il-mewt wara li kien f’inċident f’San Ġiljan

Raġel jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’San Ġiljan tul il-lejl. Raġel ieħor li kien riekeb fl-istess karozza safa midrub u għandu ġrieħi gravi.

Għall-ħabta tat-3am, il-Pulizija ġiet infurmata li ġara inċident fi Triq Sant’Andrija, u li l-vettura involuta ħadet in-nar.

Il-Pulizija mid-Distrett ta’ San Ġiljan, tim mediku mill-Isptar Mater Dei u membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili marru fuq il-post, fejn sabu vettura maqluba tieħu nar, u żewġt irġiel jingħataw l-assistenza minn Kuntistabbli off-duty u persuna oħra.

Il-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bdew jikkontrollaw in-nirien, filwaqt li tim mediku beda jagħti l-assistenza medika lill-irġiel. Il-pulizija skoprew li l-vettura baqgħet dieħla ġo crash barrier tal-konkrit, inqalbet u ħadet in-nar. L-irġiel inħarġu mill-vettura mill-Kuntistabbli off-duty u l-persuna oħra, u dawn baqgħu jassistu sakemm waslu fuq il-post il-paramediċi.

L-irġiel Taljani ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn ir-raġel ta’ 31 sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi, filwaqt li r-raġel l-ieħor ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji u jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Claire Stafrace Zammit ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.