F’ħalq il-mewt il-mara li qalgħet daqqiet ta’ sikkina f’Ħaż-Żabbar

Aġġornat 06:28 PM

Read in English.

Mara li qalgħet daqqiet ta’ sikkina waqt argument f’Ħaż-Żabbar qiegħda fil-periklu tal-mewt. L-aggressur ħarab minn fuq il-post, iżda mar għand il-Pulizija biex jammetti dak li għamel iżjed tard. Qed jinżamm arrestat.

Għall-ħabta tat-8.15pm, xi persuni daħlu fl-għassa ta’ Ħaż-Żabbar biex jirrappurtaw li fuq il-bankina fi Triq il-Kbira kien hemm mara mitlufa minn sensiha, b’daqqiet ta’ sikkina f’rasha.

Il-Pulizija tad-Distrett marret fuq il-post, waqt li ntalbet l-assistenza tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit. Mill-ewwel investigazzjonijiet illi saru rriżulta li kien għadu kemm seħħ argument bejn mara u raġel fi stabbliment li jinsab fi Triq il-Kbira. L-argument eskala barra fuq il-bankina, u kien hawn li r-raġel allegatament ta daqqiet ta’ sikkina lill-mara u wara ħarab minn fuq il-post.

Fuq il-post issejħet minnufih ambulanza u tim mediku mid-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei, u l-mara ngħatat l-ewwel assistenza medika fuq il-post. Hija ttieħdet lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura, iżda l-kundizzjoni tagħha mill-ewwel ġiet iċċertifikata li hija waħda serja.

Ftit wara li bdiet tfittxija għall-aggressur, ir-raġel ta ruħu b’idejh lill-Pulizija. Huwa mar fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana, mimli dmija u b’xi feriti f’idu. Il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit arrestat lir-raġel u saret tfittxija fuqu fejn instabet sustanza illegali, suspettata droga. Issejħet ukoll ambulanza li ħaditu l-isptar għall-kura u wara li ngħata l-assistenza medika, huwa ttieħed taħt arrest fil-Kwartieri tal-Pulizija għall-aktar stħarriġ.

Il-mara, li għandha 34 sena u hija minn Ħal Safi, qiegħda tiġġieled għal ħajjitha fl-Isptar Mater Dei. L-aggressur, ta’ 33 sena minn Ħal Safi wkoll, jinsab arrestat.

Fuq il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia.