F’ġurnata nofs il-popolazzjoni Slovakka ġiet ittestjata għall-Covid-19

Kważi nofs il-popolazzjoni Slovakka għamlet swab test għall-Covid-19 ilbieraħ, fl-ewwel jum mill-jumejn li ġew iddedikati biex isiru testijiet madwar il-pajjiż kollu.

Il-Gvern Slovakk ħa din id-deċiżjoni bit-tama li jinstabu l-każijiet kollha fil-pajjiż u b’hekk tiġi miġġielda l-imxija tal-virus, sabiex ma jkunx hemm għalfejn isir lockdown.

Din l-iskema qed titħaddem għall-ewwel darba f’pajjiż tad-daqs tas-Slovakkja, u bosta pajjiżi qed jaraw kif taħdem hemm biex japplikawha f’pajjiżhom ukoll.

Il-Ministru għad-Difiża Slovakk Jaroslav Naď qal illum li lbieraħ kien hemm 2.58 miljun persuna li għamlu t-test, u minn dawn, kien hemm 25,850 persuna, jew 1%, li rriżulta li għandhom il-virus u għalhekk iridu joqogħdu kwarantina.

Il-pajjiż għandu popolazzjoni ta’ 5.5 miljun u għandu t-tir li f’dal-jumejn jiġu ttestjati kemm jista’ jkun persuni, ħlief għal tfal taħt l-età ta’ 10 snin.