F’ġieħ Alla tħalluhomx jegħrqu!

SeaWatch

Ftit ilu rajt film dwar Adolf Eichmann. Xena minnhom baqgħet imwaħħla f’moħħi. In-Nazi niżżlu mijiet ta’ Lhud f’gandott kbir biex jisparawlhom u mbagħad jgħattuhom bit-terrapien. Ġegħluhom jinżlu f’qabarhom stess qabel qatluhom.

F’ħin minnhom waħda mara għolliet lit-tarbija tagħha u bdiet tgħajjat. “Lili oqtluni, ma jimpurtax. Iżda salvaw lil din it-tarbija.” Il-kmandant tan-Nazi ma tax kas. Ta ordni biex jinqatlu. Kollha.

F’dawn il-ġranet qrajt rapport li fakkarni fil-film. Meta l-Armata Maltija resqet ħdejn dgħajsa bir-refuġjati u omm bdiet tgħajjat: Tal-inqas salvaw lit-tarbija tiegħi.

Irridu mexxejja politiċi bil-kuraġġ

Semmejt ix-xebħ bejn iż-żewġ traġedji mhux għax l-armata tagħna hi armata tan-Nazi. Żgur li mhix. Kif lanqas ma huma l-mexxejja politiċi tagħna.  Nikteb u ngħid dan bl-aktar mod assolut. Jekk xi ħadd jgħid mod ieħor ikun qed iqarraq. Żgur li kollha għandhom qalb li tħoss. Kollha jixtiequ kieku jsalvawhom u Malta salvat eluf. Qalb għandhom, iżda kuraġġ u fibra morali soda ma jidhirx li għandhom biżżejjed. Ma jidhirx li għandhom il-kuraġġ biex jieqfu lill-mewġa populista li ma jimpurtahiex jekk l-immigranti jegħrqux jew le. U din il-mewġa populista hija sfortunatament mifruxa fis-saffi kollha tas-soċjetà Maltija.

Nifhmu u naqblu wkoll li Malta m’għandhiex u ma tistax iġġorr il-piż waħedha. Is-solidarjetà u s-sentiment l-aktar bażiku tal-umanità jitlob li l-piż jinġarr mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea biex l-immigranti ma jitħallewx jegħrqu.

Iżda dan huwa żmien fejn il-mexxejja tagħna jeħtieġ li juru sinsla. Huma m’għandhomx iċedu għall-populiżmu ħafna drabi irrazzjonali u msejjes biss fuq l-emozzjonijiet l-aktar primittivi. Iżda lanqas m’għandhom iħallu lill-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea jaħslu jdejhom. Il-pressjoni għandha ssir fuq il-politiċi Ewropej u mhux billi jintużaw il-katavri tal-immigranti iżda b’modi oħra.

L-Isqfijiet juru leadership evanġeliku

In-nuqqas ta’ leadership li qed juru l-mexxejja politiċi tagħna qed ipattu għalih l-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi u l-Isqof Mario Grech. Il-pożizzjoni li ħadu dwar l-immigranti li qegħdin fuq dgħajjes fiż-żona tal-baħar li għaliha hi responsabbli Malta, hija pożizzjoni kuraġġjuża. Kif mistenni l-isqfijiet ma jeħdux pożizzjonijiet populisti jew ibbażata fuq l-opinion polls. L-isqfijiet jieħdu pożizzjonijiet ibbażati fuq il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu li l-Qawmien mill-mewt tiegħu ċċelebrajna lbieraħ.

L-Isqof Mario Grech fl-omelija li għamel ilbieraħ qal li jekk id-dinja trid tgħix il-qawwa tal-Irxoxt, ma tistax tibqa’ tagħlaq qalbha għall-bniedem speċjalment għall-bniedem li qed jegħreq. Huwa qal dan f’kuntest Nisrani fejn lil Kristu Rxoxt nistgħu narawh mhux b’għajnejna imma b’qalbna. Fisser li jekk id-dinja trid tara lil Kristu Rxoxt ma tistax tibqa’ tagħlaq qalbha. Huwa qal dan anke fis-sitwazzjoni preżenti tal-immigrazzjoni fl-ibħra Maltin.

Anke l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi tkellem bl-istess mod li tkellmu l-Arċisqof Scicluna u l-Isqof Grech. L-Isqof Awżiljarju kemm fl-omelija tiegħu f’Ħadd il-Għid kif ukoll fit-talbiet waqt il-quddiesa dalgħodu saħaq fuq id-dmir illi jkunu mgħejjuna dawk qrib Malta u li qedgħin fil-periklu li jgħerqu.

L-Arċisqof Charles Scicluna lbieraħ tkellem dwar qlub tal-ġebel fejn jidħlu l-immigranti iżda llum saħħaħ il-pożiżżjoni tiegħu bi tweets li juru li hu leader ta’ veru.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-Knisja lesta tgħin lill-immigranti li jiġu salvati mill-baħar. Fuq Twitter, Mons. Scicluna qal li l-Knisja se tkompli tagħmel dak li ilha tagħmel is-snin. Iddeskriva s-sitwazzjoni bħala eżami għall-umanità u l-ospitalità ta’ Malta. Appella lin-nies biex ma jfallux l-eżami.

Aktar kmieni t-Tnejn kien kiteb fuq Twitter illi dawk il-persuni f’periklu li jinsabu fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija għandhom jiġu salvati, għax is-sigurtà tagħhom għandha dejjem tkun garantita.

L-Arċisqof kiteb li li jiġu salvati l-ħajjiet u li jiġi żgurat li dawn jinżlu f’post sigur huwa obbligu legali fundamentali. Huwa sejjaħlu ħtieġa morali li ma tistax tiġi nnegozjata, jew titwarrab. Bir-raġun kollu qal li “Malta” tfisser “port sigur”.

Il-periklu ta’ tixrid ta’ mard ma jeżistix. Is-Supretendent tas-Saħħa kienet mistoqsija darba darbtejn jekk kinitx hija li tat il-parir li dawn l-immigranti ma jiddaħħlux f’Malta. Fl-ebda ħin ma qalet li tat din ir-rakkomandazzjoni. Qalet li l-immigranti li jiddaħħlu jiġu ttestjati u jitqiegħdu fi kwarantina. Hekk ġara mal-grupp ta’ immigranti li l-Gvern diġà daħħal. Ħadd minnhom ma kellu l-coronavirus. Minkejja dan, kif jiġri dejjem tpoġġew fi kwarantina.

Hekk għandu jiġri meta jiddaħħlu oħrajn.

Kull min għandu sens ta’ umanità żgur li jirribella quddiem il-possibiltà li n-nies jegħrqu waqt li l-politiċi joqogħdu jaħsbuha.

F’ġieħ Alla tħalluhomx jegħrqu!