F’għeluq il-41 sena mill-ħruġ ta’ Midnight Express infakkru lil Joe Zammit Cordina

Lil Joe Zammit Cordina narawh jitkellem bil-Malti fil-film Midnight Express, li proprju llum jaħbat il-41 sena mill-ħruġ tiegħu fl-Istati Uniti. Din kienet l-ewwel darba li l-ilsien Malti nstema’ fi produzzjoni kbira ta’ Hollywood. Minn dak li ħareġ wara jirriżulta li l-attur suppost kellu jitkellem bit-Tork, għax il-ġrajja sseħħ fit-Turkija. Madanakollu peress li minn Istanbul ma nħarigx il-permess biex jiffilmjaw hemm, intgħażlet Malta biex taparsi tkun it-Turkija. Iżda meta ġew biex jiffilmjaw il-parti fid-Dwana l-attur bl-ebda mod ma seta’ jiftakar il-kliem bil-Tork li kellu jlissen.

Meta ra hekk, Alan Parker, id-direttur tal-film, qal lil Zammit Cordina biex jgħid il-kliem bil-Malti. Parker irraġuna li min jara l-film mhux se jifhem x’ikun intqal, kemm jekk bit-Tork jew bil-Malti.

Meta l-film ħareġ għall-wiri f’Malta kollha fhimna x’jistaqsi Joe Zammit Cordina lil dak iż-żagħżugħ li kellu quddiemu, mimli bl-għaraq jistenna li jaqbduh bid-droga. Bis-sigarett imdendel f’ħalqu, l-attur l-ewwel jitlob lil Brad Davis għall-passaport u wara jfittixlu fil-basket li jkollu ż-żagħżugħ.

Wara tfittxija fil-basket Zammit Cordina jsiblu Frisbee li ma jkunx jaf x’inhi.  Dan jispjegalu li l-Frisbee tgarah u terġa’ taqbdu meta jiġik lura. Ikun hawnhekk li jsaqsih “ballun?”. Jidħol fin-nofs l-attur Louis Caruana li bil-Malti wkoll jgħidlu li dik kienet logħba Amerikana. Sodisfatt li ż-żagħżugħ ma kien qed iġorr xejn illegali Zammit Cordina jerġa’ jdaħħal il-Frisbee lura fil-basket b’arja ta’ wieħed “u dawn l-Amerikani wkoll! X’jivvintaw!”

Kif Brad Davis ikun se jitlaq minn quddiemu Zammit Cordina jerġa’ jwaqqfu u jgħidlu biex ineħħi n-nuċċali. Iż-żagħżugħ ineħħih u wiċċu jidher inixxi l-għaraq imma Zammit Cordina, bid-duħħan tas-sigarett ħiereġ minn ħalqu, b’tixjira ta’ rasu, jagħmillu sinjal biex ikompli sejjer fi triqtu.

Parti kbira mill-film kienet inħadmet f’Malta waqt li snin wara, dawk imdaħħla fil-film kienu kkundannaw il-mod ta’ kif kienet intweriet il-ħajja fil-ħabsijiet fit-Turkija. Il-film Midnight Express, kliem użat bejn il-ħabsin fil-ħabs, ifisser ħarba minn ħabs bil-lejl, qatt ma ntwera f’dak il-pajjiż.

Joe Zammit Cordina miet nhar il-11 ta’ Novembru 2004 waqt li Brad Davis miet fl-1991 fl-età ta’ 41 sena  b’overdose ta’ drogi meta kien marad bil-Aids.

Il-film Midnight Express bħalissa qiegħed jintwera fuq Netflix.

Minbarra Brad Davis jaħdmu wkoll Irene Miracle, Bo Hopkins, Paolo Bonacelli, Paul L. Smith, Randy Quaid, Norbert Weisser, Peter Jeffrey u John Hurt.

Jidher ukoll fil-film Leli Sammut f’xena qasira fejn jinstema’ jgħid “Sigarret, Sigarret”. Sammut miet fl-2015 u kien magħruf sew bħala dilettant kbir tal-Karnival.