Filmat: 50 sena mit-twaqqif ta’ Dwal Ġodda

DWAL ĠODDA: għeluq ta' ħamsin sena mit-twaqqif.

Dis-sena 2020 kellha tkun sena ta’ festa għall-għaqda teatrali Dwal Ġodda: għeluq ta’ ħamsin sena mit-twaqqif. Il-membri ħolmu, ħadmu u ħejjew ħafna – iżda jħossuhom li ma wettqux kemm u kif xtaqu.

Xorta ferħu għal dak li wettqu fl-imgħoddi.  Kien bidu fqajjar iżda sabiħ, b’xi farsa jew buzzett, għal kitbiet ta’ Ebejer, Friggieri, Pirandello, De Filippo, Alan Ayckbourn, Oscar Wilde, Neil Simon u ħafna oħrajn.  Il-kitbiet ta’ awturi stabbiliti stimulaw lill-membri biex magħhom jinterzjaw kitbiet tagħhom stess. U ta’ kull sena, mill-1975, bdew jinterzjaw mal-purċissjoni tradizzjonali tal-Ġimgħa l-Kbira li f’Ħal Għargħur isseħħ f’Ħadd il-Palm, produzzjoni teatrali li tinbidel kull sena.  Fiha jinfilsaw spunti relevanti għaż-żminijiet partikulari, hekk li l-udjenza tinqaras biex tgħarbel minn fejn ġejja, fejn qegħda, u lejn fejn jeħtieġ timraħ biex dil-ħajja sseħħilna ssir ‘din in-naħa tal-ġenna’.

Jerġa’, kellhom imfassal li jagħmlu l-Ġimgħa l-Kbira 2020 tabilħaqq kbira.  U l-produzzjoni ta’ Novembru, taħt l-isem: 50 sena 2020 kellha tkun waħda li tħares lura lejn 50 sena ta’ ħidma teatrali, kifukoll dokumentarju,  50 sena f’50 minuta. Dan id-dokumentarju kellu jkun nterzjat ma’ produzzjoni teatrali li tislet persunaġġi minn xogħolijiet mill-imgħoddi, tagħtihom il-ħajja fuq il-palk illum u bihom jinkixef ftit mill-ħolm li kienu qed joħolmu d-Dwal Ġodda rigward ħafna snin oħra ta’ ħidma ‘l quddiem.  Ix-xogħol fuq id-dokumentarju miexi sew.

Iżda COVID19 ma waqqfux il-ħbiberija ta’ bejniethom u ma’ dawk li baqgħu f’kuntatt virtwali magħhom. Id-Dwal Ġodda jħossuhom sodisfatti li b’xi mod qed iseddqu l-ħbiberija li qed tissokta bejniethom, konvinti li għad tissarraf fl-issoktar ta’ aktar ħbiberija fejjieda fil-ġejjieni mal-udjenzi tagħhom permezz tat-teatru.

Jemmnu li li ‘tagħraf tistenna bil-galbu’ fl-għarfien ta’ dak li qed iseħħ madwarek jista’ wkoll jkollu teatriċità u jaf ikebbisha aħjar.  Tkun il-ħmira li twassal lejn xogħol teatrali li jissokta jgħin biex tingħeleb il-firda atturi/udjenza.

Id-DWAL ĠODDA għalissa jistgħu biss juru x’saħħa fih it-teatru billi b’ħeġġa jixtiequ saħħa lil dawk kollha li ssieħbu u għad jissieħbu magħhom fil-ġejjieni, huma u jwegħduhom li bħala dwal m’humiex qegħdin b’idejhom fuq żaqqhom.