​F’Għawdex se tinbena skola primarja ġdida

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo ħabbar li fiż-żmien li ġej se tinbena skola primarja ġdida fir-Rabat Għawdex.
Qal ukoll li bħalissa qed isiru t-tħejjijiet tal-ippjanar biex tinbena skola ġdida li tkun tinkludi childcare, kindergarten u skola primarja.
Fuq Facebook il-Ministru qal li dan qed isir minħabba li l-iskola tal-Vajrinġa li bħalissa tospita wkoll il-librerija pubblika, “m’għadiex taqdi d-domanda tal-edukazzjoni għas-seklu 21.”
Filwaqt li qal li l-għalliema u l-istaff ta’ din l-iskola qed jagħmlu xogħol tajjeb, il-Ministru semma numru ta’ fatturi li qed joħolqu ambjent diffiċli fosthom li l-iskola hija antika u żgħira.
Minn rapporti fil-midja jidher li l-post għal din l-iskola l-ġdida se jkun minflok il-grawnd tal-futbol fir-Rabat, Għawdex li bħalissa qed jintuża bħala parkeġġ.
Dan b’kuntrarju ta’ dak li ntqal fix-xahar li għadda, fejn f’laqgħa taħraq fl-iskola sekondarja tal-bniet, l-għalliema ġew magħrfa li se jinbena bini ieħor biex jospita l-iskola primarja li bħalissa tinsab fi Triq il-Vjarinġa.
Dan ifisser li l-pjan biex jinbena bini ieħor fl-iskola sekondarja tal-bniet fir-Rabat jiġi abbandunat u b’hekk jinbena f’sit differenti.
Fuq Facebook ukoll, il-Kap tal-Iskola primarja tar-Rabat irringrazzja lill-Ministru Bartolo li se jkun qed jatwa dan il-proġett.