F’Għawdex jipproponu speed camera fit-triq li juża kulħadd

Read in English.

Il-Kunsill ta’ Għajnsielem qed jipproponi li tiġi installata speed camera fi Triq l-Imġarr, it-triq li mill-port twassal għar-Rabat.

F’intervista ma’ Fr Joe Borg fuq RTK, is-Sindku ta’ Għajnsielem Franco Ciangura qal li f’partijiet minn din it-triq arterjali saħansitra jsiru t-tlielaq bil-karozzi f’xi ħinijiet. Qal li għalkemm l-ispeed camera tista’ ma ssolvix il-problema kollha ta’ periklu għar-residenti, il-multa tista’ sservi biex ix-xufiera joqogħdu iktar attenti.

Kull min jitla’ Għawdex jew jinżel Malta jgħaddi minn Triq l-Imġarr jew minn Triq Sant’ Antnin f’Għajnsielem, u t-tnejn huma responsabbiltà tal-Gvern ċentrali.

“Itellqu bil-karozzi, ikollhom inċident u jirranġaw bejniethom”

Fil-Parlament intqal li 10 snin fi Triq l-Imġarr, tilfu ħajjithom tliet persuni, disgħa weġġgħu gravi u 62 kellhom feriti ħfief. Is-sindku spjega li l-istampa hi agħar milli turi l-istatistika għax jaf b’każi fejn sewwieqa jkunu qed itellqu, ikollhom inċident, jirranġaw bejniethom u ma jdaħħlux il-pulizija u l-gwardjani. Għalhekk l-inċident ma jiġix reġistrat fl-istatistika.

Is-Sindku ta’ Għajnsielem spjega li Triq l-Imġarr kważi taqsam nofs Għawdex u hi twila kważi sitt kilometri, li tliet kilometri minnha jgħaddu min-nofs Għajnsielem.

“Jitnaqqas aktar l-ispeed limit f’parti residenzjali”

Qal li qed issir proposta wkoll biex l-ispeed limit f’parti residenzjali jitnaqqas iktar. Bħalissa l-limitu tal-veloċità fi Triq l-Imġarr ivarja minn 40 għal 50 u għal 60 kilometru fis-siegħa.

Proposta oħra hi li kull zebra crossing tinbidel għal pellican lights, biex tixgħel bozza li tiġbed l-attenzjoni tax-xufier li kun jista’ jaraha mill-bogħod.

Is-Sindku semma wkoll ix-xewqa li jitwaħħlu iktar avviżi ta’ twissija tul it-triq li jfakkru lix-xufiera li jistgħu jweġġgħu jekk isuqu b’veloċità eċċessiva.