F’Għawdex il-Papa se jintlaqa’ f’Ta’ Pinu

Read in English.

L-Isqof Mario Grech, Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Għawdex, filwaqt li laqa’ l-aħbar li l-Papa Franġisku se jżur Malta, ħabbar li l-Knisja f’Għawdex se tkun qed tagħtih merħba quddiem is-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu.

F’komunikat fi tmiem il-Pontifikal tan-Nawfraġju ta’ San Pawl fil-Knisja Parrokkjali tal-Munxar, l-Isqof Grech sejjaħ it-tħabbira taż-żjara bħala “grazzja kbira”.  

Irrimarka li l-motto li l-Isqfijiet għażlu għal din iż-żjara huwa d-deskrizzjoni li jagħti San Luqa fl-Atti tal-Appostli meta l-antenati tagħna laqgħu lil San Pawl dakinhar tan-nawfraġju: In-nies tagħha [ta’ Malta] ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħala”.

Mons. Grech stqarr li jinsab konvint li meta l-Papa jkun fostna “se jkollu konferma li aħna ġens li għandna ħafna u ħafna tajjeb”. Saħaq li jinsab fiduċjuż li bil-messaġġi tiegħu l-Papa jista’ mhux biss jistimula lill-Kattoliċi biex isaħħu fil-mixja wara Ġesù, imma wkoll jagħmlilna l-qalb biex ngħożżu l-patrimonju ta’ valuri u virtujiet umani li għandna.

Filwaqt li kkwota lill-ħassieb Fabrice Hadjadj, Mons. Grech fisser li Ġesù sar bniedem biex jgħin lill-bniedem jibqa’ bniedem. Saħaq li “min jaf lil Ġesù għandu dawl biex l-għażliet tagħna qatt ma jtebbgħu d-dinjità umana ta’ kull bniedem, irrispettivament mill-età, il-kulur, is-sess, it-twemmin…”

L-Isqof Grech ħa l-okkażjoni biex ħeġġeġ lill-poplu jitlob lill-Ispirtu s-Santu biex iħejji moħħna u qlubna biex nilqgħu din iż-żjara tal-Papa bħala mument ta’ grazzja u tiġdid.

Irrakkomanda biex kulħadd, speċjalment lill-Kunsilli Parrokkjali, l-Għaqdiet Kattoliċi u lill-gruppi fi ħdan il-parroċċi, biex fit-tliet xhur li ġejjin jaqraw l-Eżortazzjoni appostolika Il-Ferħ tal-Vanġelu. Ippropona wkoll li ssir katekeżi dwarha bi skemi mħejjija apposta.