F’Għawdex: Ħoloq biża’, saq perikoluż u bla liċenzja, jinżamm arrestat

Iż-żagħżugħ għandu 17-il sena u jgħix il-Qala

pulizija
Miguela Xuereb

Żagħżugħ ta’ 17-il sena mill-Qala tressaq il-Qorti akkużat li ħoloq biża’ u hedded lil żewġ persuni, filwaqt li saq perikoluż u bla liċenzja.

Quddiem il-Maġistrat Bridgette Sultana fil-Qorti ta’ Għawdex, l-akkużat ġie mixli li l-Ħadd 3 ta’ Jannar, għall-ħabta tal-kwarta ta’ filgħodu u matul il-ġranet ta’ qabel, ta fastidju, ħoloq biża’ u hedded żewġ persuni. Ġie akkużat ukoll li s-Sibt 2 ta’ Jannar, għall-ħabta tal-10.30pm, saq vettura mingħajr liċenzja b’mod perikoluż fi Triq Wied is-Simar u f’toroq oħrajn u li kiser il-probation.

L-imputat wieġeb mhux ħati għal dawn l-akkużi u nżamm taħt arrest.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.