“Festival tat-tajr: Għala kien hemm il-karozzi?” – Nature Trust

Nature Trust Malta ikkundannat l-użu ta’ karozzi waqt il-festival tat-tajr fl-Għarb, Għawdex.

Fi stqarrija, l-għaqda qalet li avvenimenti bħal dawn jinkoraġġu lill-pubbliku biex igawdu l-kampanja. Però, qalet li l-loġistika tal-avveniment inħadmet bl-idea tal-użu tal-karozzi. Qalet ukoll li għalkemm kien hemm it-trasport, il-karozzi baqgħu deħlin sa San Dimitri. Kien hemm uffiċjali li kellhom jieħdu ħsieb it-traffiku, u l-parkeġġ temporanju ħdejn il-Kappella ta’ San Dimitri spiċċa ma kienx biżżejjed.

Minħabba dan, il-karozzi kellhom jipparkjaw fi trejqiet fil-kampanja, li huma dojoq ħafna. Kienu qed isuqu fihom ukoll, fejn kien hemm familji u tfal mexjin. In-Nature Trust sostniet li kwarta mixja miċ-ċentru tal-Għarb spiċċat f’ħafna traffiku, għax l-uffiċjali ħallew il-karozzi jibqgħu deħlin.

L-istqarrija spjegat li biex toħroġ, ridt tibqa’ dieħel Wied il-Mielaħ, imbagħad terġa’ tmur l-Għarb. Apparti minn hekk, il-kunsill lokali tal-Għarb iqis ir-raħal bħala wieħed favur l-ambjent.

In-Nature Trust ikkonkludiet billi qalet li tittama li f’avvenimenti fil-futur, ma jitħallewx jidħlu karozzi personali. Qalet li l-kampanja ta’ min igawdiha bil-mixi jew bir-rota, mhux bil-karozzi.