Festival ta’ patrimonju mużikali b’risq il-Fondazzjoni Nazareth

Bosta knejjes u katidrali f’Malta huma mogħnija b’rikkezzi u teżori li tħallew minn ġenerazzjoni għal oħra. Fost dawn ta’ min wieħed isemmi mhux biss il-pitturi, l-induratura u l-istatwi, iżda wkoll l-orgni li bis-saħħa tiegħu iċ-ċelebrazzjonijiet fil-knejjes huma mżejjna bi ħsejjes mużikali li jsaħħru.
Iktar tard matul dan ix-xahar, għall-ewwel darba f’Malta se jkun qed jittella’ Festival Internazzjonali tal-Orgnijiet li se jkun mifrux fuq diversi knejjes u katidrali madwar Malta u Għawdex. Il-festival li se jkun qed jittella’ taħt il-Patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha il-President ta’ Malta se jsir bejn it-28 ta’ Awwissu u t-12 ta’ Settembru li ġej.
Din il-ġimgħa tħabbar li l-Fondazzjoni Nazareth taż-Żejtun se tkun qed tibbenefika mid-donazzjonijiet li se jinġabru waqt dawn il-kunċerti. Is-Segretarju tal-Fondazzjoni Nazareth, Glen Chircop qal li jinsab kuntent bl-opportunità li qed tingħata lill-Fondazzjoni mill-First Malta International Organ Festival.
Minn naħa tiegħu, id-direttur artistiku tal-Festival, Joseph Lia qal li hija xi ħaġa nobbli illi avveniment kulturali u artistiku ta’ dan it-tip ma jservix biss biex wieħed jitpaxxa bil-patrimonju mużikali Malti iżda wkoll iservi ta’ għajnuna filantropika.
Id-direttur u amministartur tad-djar fi ħdan il-Fondazzjoni Nazareth appella għall-ġenerożità waqt li stieden lill-pubbliku jattendi dawn il-kunċerti.

Ritratt: Reuben Chircop