Festival Marittimu tan-Nesquik jattira rekord ta’ parteċipanti

500 tifel u tifla ta’ bejn is-6 u t-12-il sena ħadu sehem fit-tielet edizzjoni tal-Festival Marittimu tan-Nesquik, li kien organizzat minn Nestlé Malta fl-Akkwarju Nazzjonali ta’ Malta.
Nhar is-Sibt 30 ta’ Mejju, il-Festival offra l-opportunità lill-membri tan-Nesquik Club li jitgħallmu aktar fuq il-ħarsien tal-ambjent marittimu u l-ħajja ta’ taħt il-baħar.
Għat-tielet sena konsekuttiva, Nestlé Malta biddlet il-parti ta’ barra tal-Akkwarju Nazzjonali ta’ Malta fil-Qawra f’villaġġ tan-Nesquik għal dan il-Festival Marittimu. It-tfal kollha li ħadu sehem ittieħdu wkoll żjara b’xejn, bi gwida, fl-Akkwarju Nazzjonali.
Is-sessjonijiet ta’ taħriġ edukattiv inkludew preżentazzjonijiet minn Shark Lab u l-Prof. Alan Deidun.
Shark Lab hi organizzazzjoni volontarja li ma tagħmilx profitt, għar-riċerka, l-edukazzjoni u l-ħolqien ta’ kuxjenza akbar fuq il-klieb il-baħar, ir-raj, il-ħamiem u l-fniek il-baħar fl-ibħra ta’ Malta u fil-Mediterran. Il-Prof. Deidun għamel preżentazzjoni fuq il-parks marittimi nazzjonali ta’ Malta u Għawdex u ta wkoll tagħrif dwar il-bram u fuq x’wieħed għandu jagħmel meta tniggżu brama.
Nestlé Malta qassmet ukoll ktejjeb informattiv u edukattiv lil kull tifel u tifla. Dan jikkonsisti f’tagħrif fuq il-koralli, is-sikek tal-qroll u l-familji tagħhom, u ideat favur il-kura tas-sikek u l-ambjenti tal-baħar. Il-ktejjeb jinkludi wkoll taqsima b’logħob relatat mal-ħajja marittima li jgħin lit-tfal jifhmu kemm hu importanti li nħarsu dan l-ambjent.
L-avvenimenti edukattivi annwali tan-Nesquik issa daħlu fil-ħames sena u huma parti mit-twemmin korporattiv tan-Nestlé li tipprovdi opportunitajiet ta’ ġid għas-saħħa, sigurtà u interattività għat-tfal biex jitgħallmu fuq l-ambjent u l-istili ta’ ħajja f’saħħitha.
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt