Festi jistgħu jsiru b’mod ridott

Read in English.

Il-festi fl-irħula jistgħu jsiru b’mod ridott wara t-30 ta’ Ġunju li ġej.

Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt kelliem għall-Kurja, meta mistoqsi dwar ix-xnigħa li l-festi li jaħbtu wara l-1 ta’ Lulju se jkunu jistgħu jsiru. Il-kelliem żied jgħid li hekk kif mill-1 ta’ Lulju ċerti restrizzjonijiet minħabba l-pandemija tal-coronavirus mhux se jibqgħu obbligatorji, se jitħallew isiru l-Quddiesa Solenni u l-purċissjoni f’forma ta’ pellegrinaġġ biex jiġu ċċelebrati l-festi Titulari u Sekondarji fil-parroċċi madwar Malta. Dan fid-dawl ta’ dawk li kienu ħabbru l-Isqfijiet, fid-direttivi tal-24 ta’ Marzu.

Dakinhar, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex ħabbru li l-festi kollha li kienu ppjanati li jsiru fil-parroċċi u fil-knejjes sal-aħħar ta’ din is-sena, jistgħu jsiru biss wara li l-awtoritajiet tas-saħħa jkunu taw il-permess li jistgħu jinġabru flimkien nies f’attivitajiet pubbliċi. L-Isqfijiet iċċaraw li f’kull każ, għal din is-sena, il-festi jsiru biss f’din il-forma:

  • Il-Ħadd biss (jew f’jum ta’ festa pubblika) isir pellegrinaġġ ta’ talb u ringrazzjament bil-vara meqjuma f’dik il-festa
  • Issir ukoll quddiesa tal-festa fil-knisja.
  • Ma jkunx hemm ċelebrazzjonijiet oħra interni jew esterni.

Il-knejjes fetħu l-bibien tagħhom għall-quddies fi tmiem il-ġimgħa li għadda, fit-13 ta’ Ġunju, wara tliet xhur magħluqa, b’dawk li riedu jisimgħu l-quddies kellhom isegwu fuq it-televixin jew online.