Festa taċ-Ċitru b’risq il-Malta Community Chest Fund

Edgar Preca flimkien maċ-Chairperson tal-Bord tal-Amministraturi tal-Malta Community Chest Fund nedew il-Festa taċ-Ċitru 2016.
Il-Festa taċ-Ċitru se ssir nhar il-Ħadd li ġej, mid-9 ta’ filgħodu ‘il quddiem fil-Palazz ta’ San Anton.
Edgar Preca ngħaqad ukoll ma’ grupp ta’ tfal mill-iskola primarja ta’ Ħal Qormi fejn flimkien qatgħu l-larinġ mis-siġar tal-Palazz.
F’diskors qasir lit-tfal u lil dawk preżenti huwa stqarr li m’hemm xejn isbaħ milli ngħinu lil ħaddieħor u qal lit-tfal biex iħaddnu dan il-valur.
Waqt il-Festa taċ-Ċitru se jinbiegħ ikel tradizzjonali Malti u ħelu mill-kċina tal-Palazz u larinġ frisk magħsur. 
Minbarra attività fil-bitħa, se jsiru wkoll tours tal-Palazz u se jkun hemm divertiment għat-tfal fil-Kitchen Garden.
Se jinbiegħu prodotti ta’ artiġjanat Malti u bejgħ tal-kotba ‘Tisjir mill-Qalb’ u ‘Għażiża 2014’.
Id-dħul għall-Festa taċ-Ċitru huwa bla ħlas u l-qliegħ se jmur b’risq il-Malta Community Chest Fund.