Il-finali ta’ L-Għanja tal-Poplu 2020 se tkun festival għat-televiżjoni permezz ta’ produzzjoni televiżiva mill-PBS, u se jixxandar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru. Fl-aħħar ta’ dan il-festival jitħabbru r-rebbieħa ta’ din l-edizzjoni. B’hekk it-telespettaturi se jgawdu festa ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti, b’messaġġi li jolqtu lilna l-Maltin.
Il-mistieden speċjali ta’ dan il-festival se jkun Philip Vella li rebaħ il-festival tas-sena li għaddiet. Il-preżentaturi tal-festival huma l-aħwa Gianluca u Dororthy Bezzina.
Għal din l-edizzjoni, li se tkun l-44 waħda ta’ dan il-festival, ġew sottomessi 80 kanzunetta li minnhom intgħażlu 40 kanzunetta li għaddew għall-fażi semifinali.
Is-sittax-il kanzunetta finalista huma
Kanzunetta – kantant/a (awtur, kompożitur):
- Ftakru – Charisse Ann Vassallo (Emil Calleja Bayliss, Mark Scicluna)
- Il-Passat Mhux Garanzija tal-Futur – Charlene Mercieca Magro (Rita Pace)
- Il-Fqir – Catriona Brincat u Mario Debono (Mario Debono – kantawtur)
- Professuri – Rachel Lowell (Emil Calleja Bayliss u Rachel Lowell, Philip Vella u Rachel Lowell)
- Minn Taħt l-Ilsien – Amber Grace (Rita Pace, Marco Debono)
- Mobile – Natalie Naudi (kantawtriċi)
- Missier Aħfrilhom – Christabelle Scerri (Rita Pace, Augusto Cardinali)
- Normalità Ġdida – JAMM Band (Mark Cachia – kantawtur)
- Jien u Int – Marilyn Aquilina (kantawtriċi)
- Sant’Antnin – Rita Pace (kantawtriċi)
- F’Dirgħajk – Jean Claude Vancell (kantawtur)
- Sakemm Sibt Garaxx – Sarah Micallef Muscat (Frederick Camilleri, Augusto Cardinali)
- Fittixtek – Ruth Portelli (Emil Calleja Bayliss, Mark Scicluna)
- Mediterran – Amber Marie Coleiro (Joe Julian Farrugia, Andrew Zammit)
- Anġli Żgħar – Kayley Cuschieri (Joe Julian Farrugia, Philip Vella)
- Ħass u Basal – Kemmuna Airways (Rita Pace)

L-44 edizzjoni tal-festival hi organizzata mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency. L-Għanja tal-Poplu 2020 qed jittella’ b’differenza biex b’hekk l-organizzaturi jimxu mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.